Lokali Qorti

FILMAT: Jitressaq il-Libjan li daħal jiġġieled f’appartament ta’ 3 Żvediżi

Ir-raġel li l-Ġimgħa filgħaxija ħebb u weġġa’ tliet Żvediżi tressaq il-Qorti li ddeċidiet li għandu jibqa’ jinżamm arrestat sakemm ikomplu l-proċeduri kontrih.

Il-każ seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tat-8.30 ta’ filgħaxija meta r-raġel ta’ nazzjonalità Libjana – akkumpanjat ma’ raġel ieħor li l-identità tiegħu mhix magħrufa – marru fl-appartament tal-Iżvediżi u qalgħu ġlieda.

Fil-Qorti ħareġ kif skont l-imputat, it-tliet Żvediżi kienu jafuh xi flus.

Il-ġlieda seħħet f’appartament fi Triq Ġorġ Borg Olivier u t-tliet Żvediżi weġġgħu kollha, b’wieħed minnhom saħansitra weġġa’ gravi.

Fil-Qorti, il-Libjan ta’ 36 sena wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih bid-difiża titlob il-ħelsien mill-arrest. Madanakollu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Aaron Bugeja ċaħdet din it-talba wara li l-Prosekuzzjoni esprimiet tħassib li l-imputat jista’ jippreġudika l-evidenza – fosthom billi jkellem lir-raġel l-ieħor kompliċi fil-każ – li sa issa għadu maħrub.

Jirriżulta wkoll li l-imputat diġà għandu każ ieħor pendenti fil-Qorti.

Tlieta jweġġgħu f’ġlieda kbira bejn ħamest irġiel; Wieħed f’qagħda gravi