‘Ir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea jgħid ċar li l-bank Pilatus kien qed jaħsel il-flus u l-istituzzjonijiet m’għamlux xogħolhom. Hemm xi nies li l-Prim Ministru irid jibqa’ jiddefendi u li bl-ebda rapport mhu dispost li jgħid li xi ħadd għandu jerfa’ r-responsabbilità.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq NET FM.
Dr Delia qal li jekk persuna għandha ħanut, meta tbiegħ il-prodotti għandha l-obbligu li tagħti l-irċevuta tal-VAT lill-klijenti jew inkella teħel multi, penali jew priġunerija. Fil-każ tal-bank Pilatus iżda, fejn mir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea deher ċar li kien hemm nuqqasijiet ċari minn dan il-bank, ma sar xejn u ħadd mhu jġorr responsabbilità u dan meta fis-settur tas-servizzi finanzjarji hemm liġijiet ċari.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar il-mod kif l-FIAU kien laxk fuq il-każ tal-bank Pilatus, iż-żmien tal-iskużi issa għadda. Huwa qal ukoll li wasal iż-żmien li tittieħed ir-responsabbilità politika u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna għandu jirriżenja u jekk ma jirriżenjax, il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jerfa’ r-responsabbilità huwa wkoll.
Adrian Delia qal li dan huwa attakk minn pajjiżna fuq pajjiżna, attakk mill-Gvern fuq is-settur tas-servizzi finanzjarji, liema settur matul is-snin in-nies u l-professjonisti rnexxilhom jsaħħu u jibnu reputazzjoni tajba. Dan meta r-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea ikkonkluda li l-awtoritajiet Maltin ‘b’nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi’ ħallew il-bank Pilatus jikser il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus, u meta lanqas ma nstabet dokumentazzjoni tajba fl-FIAU dwar dan il-bank.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-awtoritajiet li suppost li qegħdin hemm sabiex jipproteġu lin-nies, minflok qed jinżammu ostaġġ tal-Gvern u spiċċaw imtappna b’akkużi serji kontrihom mill-entitajiet Ewropej. Huwa qal ukoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jkaxkar saqajh u ma ħax id-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn biex ir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji tiġi mħarsa sabiex jiġu ssalvagwardjati l-postijiet tax-xogħol tan-nies li dan is-settur joffri b’mod speċjali liż-żgħażagħ.
Adrian Delia qal li l-bank Pilatus qatt ma kellu jingħata l-liċenzja biex jaħdem minn Malta u t-talba tal-MFSA għar-revoka tal-liċenzja ta’ dan il-bank waslet xhur tard. Dan meta l-eks chairmantal-bank Pilatus jinsab miżmum fl-Istati Uniti u jinsab akkużat b’ħasil tal-flus, liema akkużi jġorru piena sa’ 125 sena priġunerija. Huwa qal li għandu jiġi stabbilit għalfejn kien hemm dawn in-nuqqasijiet li sabet l-Awtorità Bankarja Ewropea fl-FIAU, għaliex f’pajjiż serju b’konklużjonijiet serji bħal dawn iwasslu għar-riżenji.
Adrian Delia qal li issa n-nies qed jistennew li tintrefa’ r-responsabbilità politika għax Malta ma tistax tibqa’ tistenna aktar għal azzjoni li tkun effettiva, għaliex inkella se ssir aktar ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż u aktar ħsara lir-reputazzjoni tal-istituzzjonijet ta’ pajjiżna.
//= $special ?>