Lokali

Lil Conte għidtlu “mhux problema” biex nieħu l-immigranti – Muscat

Arkivji
Malta se tieħu 50 immigrant minn bastiment li ma kienx fl-ibħra Maltin

“Lill-Prim Ministru Taljan għidtlu ‘jien m’għandix problema.”

Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, tkellem dwar l-immigranti li Malta se tkun qed taċċetta minn bastiment b’450 immigrant.

Il-bastiment la kien f’ibħra Maltin u lanqas ma kien hemm obbligu internazzjonali biex pajjiżna jintervjeni – u dan peress li l-immigranti ma kienux f’periklu. Madanakollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat xorta waħda għażel li jċedi għall-pressjoni tal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte biex Malta tieħu l-immigranti.

“Meta qalli hekk, lill-Prim Ministru Taljan għidtlu ‘jien m’għandix problema,” ftaħar Joseph Muscat.

Skont Giuseppe Conte stess, Malta se tkun qed tieħu 50 immigrant minn bastiment li temm il-vjaġġ tiegħu f’Lampedusa, territorju Taljan.

Mingħajr ma rrikonoxxa l-isfidi kbar li jaffaċċja pajjiżna minħabba ċ-ċokon tiegħu meta kkumparat mal-pajjiżi l-oħra Ewropej, Muscat iddeskriva lil min ma jaqbilx miegħu bħala nies li jaraw sal-ponta ta’ mneħirhom.