Futbol Lokali Sport

TAZZA TAD-DINJA: Franza champions tad-dinja għat-tieni darba

It-tim nazzjonali Franċiż hu champion tad-dinja għat-tieni darba fl-istorja wara rebħa kbira ta’ 4-2 fuq il-Kroazja. Dan is-suċċess wasal 20 sena wara l-ewwel wieħed li kien sar f’pajjiżhom.

Dakinhar Didier Deschamps kien il-captain tat-tim Franċiż, u minbarra li hu l-unika persuna li kien involut fiż-żewġ suċċessi Franċiżi, sar ukoll it-tielet persuna li rebaħ it-Tazza tad-Dinja kemm bħala plejer kif ukoll bħala kowċ wara Zagallo u Beckenbauer.

Bidu tajjeb mill-Kroati li dehru l-aħjar tim fl-ewwel minuti tal-logħba, iżda kienet Franza li fl-ewwel attakk tagħha fid-19-il minuta fetħet l-iskor. Kien free-kick mil-lemin ta’ Antoine Griezmann fil-kaxxa, għolew diversi plejers iżda kien Mario Mandzukic li sfortunatament għalih laqat il-ballun bir-ras u spiċċa biex għeleb lill-gowlkiper tiegħu stess.

Reazzjoni tal-Kroazja żewġ minuti wara f’sitwazzjoni simili, bid-daqqa ta’ ras ta’ Domagoj Vida tispiċċa barra wara free-kick mil-lemin. Il-Kroati baqgħu jżommu l-istess logħob u fl-24 minuta kellhom okkażjoni oħra, b’Mandzukic isib lil Ivan Rakitic fil-kaxxa, iżda x-xutt mill-ewwel tal-midfielder għadda ferm għoli.

Il-Kroazja meritatament ġabet id-draw fid-29 minuta. Id-difiża Franċiża naqset li tbiegħed il-periklu fil-kaxxa, b’Vida jniżżel lejn IVAN PERISIC li ġibed il-ballun fuq ix-xellug u b’xutt b’saħħtu għar-rokna minn pożizzjoni ċentrali għeleb lil Lloris.

Madankollu Franza reġgħet marret minn fuq fid-39 minuta. Kien korner mil-lemin ta’ Griezmann, bid-daqqa ta’ ras ta’ Matuidi taħbat ma’ idejn Perisic u tispiċċa barra.

Ir-referee Nestor Pitana ġie mdawwar mill-plejers Franċiżi li pprotestaw għal penalty. Pitana kkonsulta mal-VAR u wara ra l-azzjoni fuq l-iscreen. Ir-referee Arġentin ordna penalty li minnu ANTOINE GRIEZMANN għeleb lil Danijel Subasic b’xutt fil-baxx.

Franza kellhom l-ewwel tentattiv lejn il-lasta fit-tieni taqsima fis-47 minuta, b’xutt ta’ Antoine Griezmann ikun salvat mingħajr diffikultà. Minuta wara l-Kroazja perikoluża b’xutt fuq il-ġirja bix-xellug ta’ Ante Rebic li kien imdawwar f’korner bi bravura minn Lloris.

Il-Kroazja bdiet iżżid il-pressjoni iżda kienu l-Franċiżi li ħolqu l-periklu fit-52 minuta. Kien passaġġ fil-baxx fit-tul ta’ Paul Pogba lejn Kylian Mbappe li qata’ bil-ġirja parzjalment lil Domagoj Vida, iżda x-xutt finali kien salvat b’sieq ix-xellugija ta’ Subasic.

Franza għamlet l-iskor 3-1 fid-59 minuta. Kross ta’ Mbappe mil-lemin kien blokkat u spiċċa għand Antoine Griezmann li qassam lura lejn PAUL POGBA. Il-midfielder Franċiż kellu l-ewwel xutt imblukkat, iżda l-ballun reġa’ spiċċa għandu, u b’xutt bix-xellug fuq in-naħa xellugija tal-lasta, qata’ lil Subasic.

It-tim ta’ Deschamps neħħa kull dubju mir-riżultat fis-66 minuta meta Lucas Hernandez qassam lejn KYLIAN MBAPPE li ngħata l-ispazju minn Vida u b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa għeleb lil Subasic.

Il-Kroazja reġgħet bdiet tittama ftit fid-69 minuta meta skorjat b’gowl pjuttost insolitu. Samuel Umtiti qassam lura lejn il-gowlkiper Hugo Lloris li għażel li jagħmel finta fuq ix-xellug, iżda MARIO MANDZUKIC kien attent u pressa fuq in-naħa t-tajba biex il-ballun ħabat miegħu u baqa’ dieħel fix-xibka.

Rakitic mar viċin li jiftaħ il-logħba fit-78 minuta b’xutt fil-baxx li ħabat ftit u spiċċa ftit barra.

Is-sostitut Nabil Fekir prova minn barra l-kaxxa fis-87 minuta, konklużjoni li kienet salvata minn Subasic, u żewġ minuti wara xutt ta’ Rakitic għadda għoli.

Mat-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u staff tekniku ta’ Franza flimkien mal-partitarji.

VOX POP: X’jaħsbu l-partitarji dwar il-World Cup ta’ din is-sena?

BIR-RITRATTI: Ara l-atmosfera ta’ qabel il-finali tal-World Cup

Partitarji Franċiżi jiċċelebraw f’Malta
Partitarji ta’ Franza ftit qabel tmiem il-partita finali tat-Tazza tad-Dinja kontra l-Kroazja