Internazzjonali Lokali

Ikomplu l-iżviluppi dwar l-450 immigrant fil-port ta’ Pozzallo

Wara t-talba mill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, il-Prim Ministru Joseph Muscat f’isem pajjiżna flimkien ma’ pajjiżi oħra – fosthom Franza, Ġermanja, Spanja u l-Portugall – aċċettaw sabiex jieħdu 50 immigrant kull pajjiż minn 450 persuna li kienu abbord bastiment tas-sajd.

Il-bastiment kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja ġdida bejn Malta u l-Italja wara li l-Ministru tal-Intern Matteo Salvini qal li dan il-bastiment kellu jidħol Malta u li l-Italja ma kinitx se taċċettah.

Madanakollu, minbarra s-silenzju tal-Awstrija, hemm il-linja iebsa meħuda mill-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa, partikolarment mill-Ungerija u Repubblika Ċeka – fejn sejħu l-azzjoni li jaċċettaw l-immigranti hija t-triq għall-infern tal-Ewropa.

L-aħbar li Muscat se jaċċetta iktar immigranti ngħatat fi stqarrija li fiha ntqal li Muscat kellu telefonata mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte. Skont rapporti fil-midja, qed jingħad li l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li Malta se tkun qed tieħu 50 immigrant.

Il-bastimenti li salvaw lill-450 immigrant iddaħlu fil-port ta’ Pozzallo fejn minn hemm hekk issa se tibda l-ħidma biex l-immigranti jitqasmu fost il-pajjiżi li taw il-kelma tagħhom li se jieħdu minn dawn l-immigranti

Din hi t-tieni kwistjoni fi ftit ġimgħat fejn immigranti spiċċaw jistennew id-destin tagħhom abbord bastiment. Lejn l-ahhar ta’ Ġunju li għadda 234 immigrant abbord l-MV Lifeline iddaħlu Malta  wara li l-Gvern qal li l-immigranti kienu se jitqassmu madwar l-Ewropa. Sa issa kienu biss zewg pajjizi li hadu ammont minn dawk l-immigranti, il-lussemburgu u Franza. Biex b’hekk sa issa minn dawk il-234 baqa’ Malta 160 immigrant.