Internazzjonali

Trump u Putin iridu jibdew kapitlu ġdid

F’Helsinki, il-kapitali tal-Finlandja, sar is-summit tant mistenni bejn il-President Russu Vladimir Putin u dak Amerikan Donald Trump, b’dan tal-aħħar imur Helsinki fi tmiem vjaġġ imqanqal fl-Ewropa.
Iż-żewġ mexxejja waslu għas-summit mingħajr stennija kbira li se jkun hemm xi żblokk imma fit-tama kif stqarrew it-tnejn li huma li din il-laqgħa sservi għal kapitlu ġdid fir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
B’kollox iż-żewġ mexxejja damu madwar erba’ siegħat jiddiskutu bejnithom maqsuma f’żewġ sessjonijiet. Fl-ewwel sessjoni ta’ sagħtejn kienu biss l-interpreti li akkumpanjaw lil żewġ mexxejja fil-laqgħa li kellhom filwaqt li fit-tieni waħda huma kienu akkumpanjati mill-ajjutanti kollha tagħhom.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit, Putin qal li l-Gwerra l-Bierda kienet intemmet u ma kienx hemm raġuni għaliex ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tibqa’ waħda kkumplikata. Hu żied li n-negozjati li kellu ma Trump kienu marru tajjeb u kienu diskussi sensiela ta’ temi’, fosthom it-terroriżmu u l-armi tal-qerda tal-massa, fejn saru proposti kif jistgħu jikkooperaw.
Putin qal ukoll li għar-Russja kien neċessarju li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu kontra t-tixrid tal-armi nukleari u li dawn m’għandhomx jitpoġġew fl-ispazju. Kemm Putin kif ukoll Trump stqarrew li tkellmu fit-tul dwar l-allegazzjonijiet ta’ ndħil Russu fl-elezzjonijiet Amerikani. Xi ħaġa li Putin qal qatt ma saret u qatt m’hi se ssir.
Trump min-naħa tiegħu faħħar il-laqgħa li qal li ħalliet il-frott u qal li kien hemm bżonn li laqgħa bħal din saret ħafna żmien ilu. Trump tenna li ma kien hemm ebda konfoffa mar-Russja fl-elezzjoni Presidenzjali li rebaħ u qal li din għamlet wisq ħsara lill-pajjiż.