Lokali

Il-funeral ta’ Hugo Chetcuti se jsir il-Ħamis li ġej

Il-funeral tal-imprenditur Hugo Chetcuti se jsir il-Ħamis li ġej. Kemm il-familja kif ukoll il-kumpanija Hugo Group ħabbru dan fi stqarrija.

Il-funeral se jsir fl-10 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ Kristu Re ta’ Raħal Ġdid.

Il-familja u l-kumpanija ta’ Hugo Chetcuti żiedu li dawk li se jattendu l-funeral għandhom jilbsu l-iswed, jitfu l-mobiles tagħhom u ma jiffilmjawx.

Il-pubbliku qed jintalab ukoll biex flok fjuri, jagħti donazzjonijiet lill-Cresche tal-Ursolini f’Tas-Sliema.

Il-funeral se jsir il-Ħamis wara li fil-media kien hemm spekulazzjonijiet dwar meta kien se jsir il-funeral – b’ċertu rapporti fil-media lokali oriġinarjament qalu li l-funeral kellu jsir dalgħodu fil-Knisja tal-Mosta.

Madanakollu, kelliem għall-Hugo Group kien ċaħad dawn ir-rapporti u qal li kienet se tkun il-kumpanija li tħabbar id-data tal-funeral ladarba l-katavru tal-imprenditur jingħata l-permess li jinħareġ għad-difna.

Il-funeral se jsir l-għada li fil-Qorti mistennija tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Bojan Cmelik, is-Serb li se jkun qed jiġi akkużat bil-qtil ta’ Chetcuti. Dan meta l-imprenditur ngħata daqqiet ta’ sikkina li ħallewh jiġġieled għal ħajtu għal sitt ijiem sħaħ qabel tilef il-battalja mal-mewt.