Lokali

Il-każ pospost wara li x-xhieda skedati għal-lum ma dehrux

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kellha tiġi posposta għal seduta oħra wara li ħadd mix-xhieda ma tfaċċa.

Suppost kellhom jagħtu x-xhieda tagħhom 9 persuni fuq talba tal-Prosekuzzjoni. Madanakollu, s-seduta kellha tiġi posposta għall-finijiet ta’ ġbir ta’ iktar evidenza.

Madanakollu, fis-seduta, l-Ispettur Keith Arnaud – li qed imexxi l-Prosekuzzjoni – preżenta l-lista ta’ xhieda li mistennija jidhru l-Qorti nhar il-Ħamis meta tkompli l-kumpilazzjoni.

Il-proċess huwa dwar it-tliet akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia: Vince Muscat, Alfred Degiorgio u George Degiorgio. L-evidenza qed tinġabar quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.

Peress li l-irġiel qed jiġu akkużati wkoll li huma riċedivi, fil-Qorti ġew preżentati sentenzi passati tal-Qorti li jikkonfermaw li tal-anqas George Degiorgi u Vince Muscat huma riċedivi.

Qabel intemmet is-seduta, il-Qorti appuntat ukoll persuni biex jittraduċu xi dokumenti marbuta mal-proċess tal-Qorti.

Intant, fi stqarrija, il-Pulizija sostniet li għall-kuntrarju ta’ dak li ġie rappurtat fil-midja, ħadd mill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija ma kienu msejħa sabiex jagħtu x-xhieda tagħhom u/jew ma dehrux għas-seduta dwar dan il-każ.

Il-Pulizija, permezz tal-Prosekuturi, kienet preżenti fil-Qorti sabiex tipprovdi iktar evidenza u talbet lill-istess Qorti biex tappunta esperti biex tagħmel traduzzjonijiet ta’ dokumenti li kienu diġa ġew esebiti bħala evidenza.

L-istqarrija żiedet tgħid li x-xhieda f’dan il-każ kienu Esperti tal-Qorti u mhux uffiċjali tal-Pulizija li infurmaw lill-Prosekuzzjoni li ma setgħux jidhru l-Qorti jew minħabba li għadhom qed jagħmlu r-rapport tal-kumpilazzjoni jew inkella minħabba li kienu msejħa biex jaħdmu fuq affarijiet iktar urġenti tal-Qorti.

S’issa, il-Qorti kellha 14-il seduta li matulhom dehru 100 xhud li kienu msejħa mill-Prosekuzzjoni.