Lokali

Ir-raba’ edizzjoni tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel

Għar-raba’ sena konsekuttiva se jerġa’ jsir il-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel bħala ċelebrazzjoni kulinari tal-aqwa kċejjen minn madwar id-dinja.

Dan il-festival se jgħati opportunità biex wieħed jaqsam il-passjoni għall-ikel filwaqt li jduq l-ifjen platti minn għadd ta’ pajjiżi minn madwar id-Dinja.

Għal din is-sena,  se jkun hemm ‘il fuq minn 60 parteċipant li ser ikunu qiegħdin jesebixxu, jsajru u jippromwovu ikel differenti. Il-varjetà tal-ikel se tkun tinvolvi kemm dak tradizzjonali u oħrajn internazzjonali, filwaqt li se jkun hemm għażla għal vegani, veġiterjani, u ikel mingħajr glutina, fost ikel ieħor.

Kull lejl se jkun hemm numru ta’ artisti lokali li ser ikunu qed joffru divertiment għal dawk preżenti, filwaqt li se jkun hemm wkoll aristi li se jkunu qiegħdin ipittru ix-xenarju tal-Imdina.

Dan il-festival se jsir bejn id-19 u t-22 ta’ Lulju mis-sitta ta’ filgħaxija ‘il quddiem fil-Foss tal-Imdina.