Lokali Qorti

Sentejn ħabs u multa ta’ €10,000 għar-raġel li kien fera żewġ Pulizija u beżaq fuq il-ġurnalisti

Iż-żgħażugħ miċ-Chad li fera żewġ Pulizija u beżaq darbtejn lejn ġurnalist ta’ Net News u ġurnalista tal-istazzjon nazzjonali meta kien qed jitressaq il-Qorti f’Jannar li għadda, ġie kkundannat sentejn ħabs u mmultat €10,000.

Dan hekk kif instab ħati li ħebb għal tliet Pulizija u darab tnejn minnhom fi Ġnien Vilhena fil-Floriana meta kienu marru biex jarrestawh.

Fir-rapport tal-psikjatra Joe Cassar, Abdul Hamid Adam Zakkaria ġie deskritt bħala “paranojku għall-pulizija”.

Fix-xhieda tiegħu, is-Surġent Zahra rrakkonta x’ġara dakinhar li ż-żagħżugħ ħebb għall-Pulizija meta kellu f’idu mus li bih kien qed jaqta’ l-ħaxix minn fuq is-sur. Fix-xhieda tiegħu hu semma’ fost oħrajn kif qalgħu daqqiet tas-sieq u jobżoq f’wiċċ il-Pulizija. Semma’ ukoll kif Kuntistabbli ġie aggredit ukoll u sofra bi qtugħ f’idejh u saħansitra gidmu ukoll.

Fil-Qorti, iż-żagħżugħ wera xewqa li jirritorna lejn pajjiżu, u l-Qorti rrakkomandat lill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni biex meta jkun serva l-piena li ngħata, jiġi determinat x’miżuri jistgħu jittieħdu biex  jiġi rimpatrijat lejn pajjiżu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Priscilla Caruana Lee.