Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

WARA T-TAZZA TAD-DINJA: ‘Les jeux sont faits’

Opinjoni miktuba minn Charles Camenzuli f'In-Nazzjon

Wara xahar u ġurnata daqshekk Tazza tad-Dinja. Daqshekk logħob, fejn kulħadd fuq il-post tax-xogħol, mal-ħbieb jew f’postijiet tad-divertiment ikun iħoss li għandu d-doni ta’ xi wieħed mill-kowċis preżenti fir-Russja.

Però dik hi d-differenza li tagħmel it-Tazza tad-Dinja fil-konfront ta’ kompetizzjonijiet oħra. Min jifhem u min ma jifhimx xorta jipprova jgħid tiegħu. Wara kollox mhux kulħadd ikollu tort. Nazzarda ngħid li f’din il-21 edizzjoni forsi l-ideat ta’ bosta setgħu kienu aħjar minn dawk imwassla minn xi kowċ jew kowċis li mexxew xi wieħed mit-timijiet fir-Russja.

Il-kritika tibqa’, u allaħares ma kienx hekk, għax li kieku r-rutina ta’ kuljum matul dak ix-xahar u ġurnata kienet tkun monotona. Jien li nipprova mmur lil hinn mis-sentiment tal-partitarju li għalih it-Tazza tad-Dinja qisha l-qofol ta’ ħajtu, nibqa’ mat-teorija li edizzjoni wara edizzjoni qed toħroġ il-konferma kemm it-Tazza tad-Dinja mhux bilfors li tiġbor l-aqwa 32 pajjiż u issa daqt 48 pajjiż li huma l-aqwa fid-dinja tal-futbol.

Tibqa’ l-kompetizzjoni kontinentali fi ħdan il-FIFA fejn minħabba l-pubbliċità enormi li ssir u bejn l-imħabba u t-tradizzjoni tibqa’ l-kompetizzjoni tan-nies. Issa jekk tajjeb jew ħażin li ser ikun hemm 48 pajjiż għad irridu naraw. Madankollu la jikber il-programm ta’ logħob, jiżdiedu l-ġranet ta’ kompetizzjoni, jiżdiedu l-partiti u aktar u aktar trażmissjonijiet tat-televizjoni li jġorru magħhom il-miljuni tad-drittijiet kummerċjali.

Li jibqa’ fatt huwa li f’mumenti ninsew il-problemi ta’ kuljum għax trid u ma tridx taħseb fuq li sar u ma sarx u fuq dak li jrid isir. Il-Ħadd 15 ta’ Lulju u l-finali Franza v Kroazja u l-konferma tat-tim ta’ Didier Deschamps li kollox ma’ kollox kien teknikament l-aħjar tim fil-kompetizzjoni, wasslet għal konferma li forsi f’mumenti ninsew. Ir-rebħa ta’ 4-2 ta’ Franza u dik ta’ 2-0 li l-Belġju kisbet fuq l-Ingilterra huma konferma akbar kemm il-futbol Ewropew jibqa’ jiddomina.

Mhux fatt attwali li ħareġ mill-esperjenza Russa iżda konferma tal-passat u l-passat riċenti. Fl-1934 (Italja – Ċekoslovakkja – Ġermanja – Awstrija), fl-1966 (Ingilterra – Ġermanja tal-Punent – Portugall – Unjoni Sovjetika), 1982 (Italja – Ġermanja – Polonja – Franza), 2006 (Italja – Franza – Ġermanja – Portugall) – l-ewwel erba’ postijiet kollha f’idejn pajjiżi membri tal-UEFA biex ma ninsiex ukoll il-podju tal-1954 (Ġermanja tal-Punent – Ungerija – Awstrija) jew 1974 (Ġermanja – Olanda – Polonja)
L-isport huwa magħmul minn figuri u statistika. It-Tazza tad-Dinja fir-Russja minkejja li tul il-partiti kollha ġibdet xejn anqas minn 3,031,768 spettatur, din kienet l-inqas ċifra mill-aħħar edizzjonijiet b’medja minima ta’ 47,371 kull partita. Il-finali kienet l-akbar attrazzjoni bi 78,011 spettatur fejn iżda kienet l-akbar attendenza mill-2002 apparti dik tal-Afrika t’Isfel fl-2010.

epaselect epa06891961 French supporters celebrate on a firefighter truck after France won the FIFA World Cup 2018 final match between France and Croatia in Paris, France, 15 July 2018. EPA-EFE/GUILLAUME HORCAJUELO

Minn issa wieħed irid jibda janalizza l-impatt li t-Tazza tad-Dinja fil-Qatar se jkollha meta l-perjodu se jkun bejn Novembru u Diċembru 2022 jew wisq aktar bi 48 pajjiż u 80 partita fl-2026 b’60 partita fl-Istati Uniti u 10 kull wieħed fil-Messiku u l-Kanada b’bosta mistoqsijiet għala l-Messiku, li organizzat żewġ edizzjonijiet fl-1970 u fl-1986, ingħatat għaxra biss.

L-unuri tal-ġurnata, iżda, jibqgħu għal Franza.

Min hu familjari mat-turiżmu jew il-kultura Franċiża jaf bil-mużew ta’ Louvre fejn fid-daħla tispikka l-istatwa u l-figura tal-alla Nike mill-mitoloġija Griega li tfisser u tippersonifika l-glorja u r-rebħ. Dak li kisbet Franza fil-15 ta’ Lulju f’Moska.

U bla ma nidħol fl-ambjent kummerċjali, l-alla Nike fil-finali jekk hux Franza jew Kroazja kienet se tirbaħ dejjem. Aktar minn qabel issa li ‘Les jeux sont faits’ l-unuri tal-ġurnata għal Franza. Vive la France u bix-xieraq grazzi lill-Kroazja li bħall-Belġju u l-Ingilterra taw risposta li biex tkun protagonista mhux bilfors ikollok lil xi ħadd lil hinn min-normal.