Lokali Unjoni Ewropea

David Casa jwieġeb lil Edward Scicluna: tlift il-boxxla

Edward Scicluna ilu responsabbli mill-FIAU u l-MFSA mill-2013. Ma jista’ jwaħħal ħadd ħlief fih innifsu għall-fatt li dawn l-istituzzjonijiet inħatfu politikament biex jiproteġu lill-kollegi tiegħu fil-kabinett. L-allegazzjoni li l-affarijiet nqalgħu minħabba xi influwenza supernaturali li għandi fi Brussell hi prova ċara ta’ kemm il-Ministru tal-Finanzi jew jinsab fi stat ta’ delużjoni, jew inkella ma jridx jew ma jafx kif se jindirizza l-problemi li għandu. Hi x’inhi r-raġuni, hu ċar li mhux f’pożizzjoni li jnaddaf il-ħmieġ li hu stess ħoloq, u għandu jirriżenja immedjatament.

Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa fi stqarrija bi tweġiba għall-artiklu tal-Ministru tal-Finanzia Edward Scicluna f’The Times illum, fejn allega li kienet pressjoni li saret mill-Kummissjoni Ewropea li wasslet biex l-Awtorità Bankarja Ewropea tiddikjara li l-FIAU ta’ Malta kisret il-liġi tal-ħasil tal-flus.

David Casa qal li Konrad Mizzi u Keith Schembri, kollegi fil-Kabinett ta’ Edward Scicluna, inqabdu fil-fatt, involuti f’korruzzjoni u ħasil ta’ flus. “Il-fatti huma ċari għal kulħadd. Żewġ politiċi Maltin riedu jsiru sinjuri malajr minn fuq il-poplu ħabrieki Malti. Biex jagħmlu dan, riedu bank maħmuq (Pilatus), u kumpanija dubjuża (Nexia BT). U meta nqabdu, kellhom bżonn l-awtoritajiet regolatorji biex iħarsu n-naħa l-oħra.”

David Casa qal li l-istituzzjonijiet issa jinsabu fil-problemi għaliex ġew kompromessi, u ilhom kompromessi biex ma jieħdux passi kontra l-kollegi fil-kabinett ta’ Edward Scicluna u dawk kompliċi magħhom.

“Xogħol Edward Scicluna hu biex jassigura li l-istituzzjonijiet hu li responsabbli minnhom, jiproteġu liċ-ċittadini Maltin, mhux lill-politiċi korrotti. U xogħli hu li nara li xogħlu jagħmlu sew. Jien se nkompli nwettaq dmiri. Sfortunatament, hu ċar li hu mhux kapaċi jagħmel dan, temm jgħid David Casa.

“In-nies iridu li tintrefa’ r-responsabbilità politika għall-ħsara li għamel il-bank Pilatus”

AĠĠORNATA: Żmien l-iskużi għadda u Malta ma tistax tibqa’ tistenna li ssirilha aktar ħsara – Adrian Delia