Lokali Qorti

Jinħeles mill-arrest f’daru l-ġuvni li tajjar Olandiż f’San Ġiljan

Il-ġuvni ta’ 20 sena li tajjar u qatel ġuvni ieħor f’San Ġiljan fis-6 ta’ Lulju li għadda, inħeles mill-arrest f’daru bil-kundizzjoni li joħroġ biss bejn it-8.00 ta’ filgħodu u t-8.00 ta’ filgħaxija.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Qorti Kriminali wara appell li sar mill-Avukat Ġenerali, li argumenta li l-ewwel Qorti me kellhiex tpoġġi lil Michael Caruana Turner taħt arrest f’daru, iżda kellha tagħtih il-libertà kundizzjonata inkella żżommu arrestat taħt kustodja.

It-tieni Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, li qalet li l-akkużat huwa kkunsidrat innoċenti qabel jinstab ħati, u li dan il-kunċett huwa fil-qofol tal-libertà kundizzjonata.

Intqal fil-qorti li dwar il-kwistjoni tal-pleġġ, din il-Qorti tikkunsidra l-prinċipju tal-libertà personali bħala r-regola, filwaqt li l-arrest jew id-detenzjoni għandhom ikunu l-eċċezzjoni, speċjalment meta jkun involut reat involontarju .

Il-kundizzjonijiet l-oħra tal-pleġġ baqgħu kollha l-istess.

Għad-difiża deher l-avukat Joe Giglio.