Futbol Sport

Liverpool jilħqu ftehim ma’ Roma għal Alisson

Liverpool mistennija jkomplu jsaħħu l-iskwadra tagħhom għall-istaġun li ġej hekk kif rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li l-klabb Ingliż laħaq ftehim ma’ Roma għall-akkwist tal-gowlkiper Brażiljan Alisson.

Jidher li l-offerta riveduta ta’ Liverpool kienet biżżejjed biex Roma jaċċettaw is-somma ta’ €75 miljun, bil-gowlkiper mistenni jkollu salarju ta’ €5.5 miljun kull staġun.

Dan it-trasferiment se jfisser li Liverpool se jiksru rekord hekk kif Alisson se jkun l-aktar gowlkiper li sewa flus. Ir-rekord preċedenti kien ta’ Juventus li kienu akkwistaw lil Gianluigi Buffon mingħand Parma fl-2001 għas-somma ta’ €53 miljun.

Alisson irritorna mill-vaganza f’Sardenja, sinjal li n-negozjati jinsabu f’fażi avvanzati. Liverpool għandhom il-permess li jkellmu lill-gowlkiper fejn issa jrid jiġi deċiż il-mod ta’ kif se jitħallas il-pagament.