Lokali

Appell biex il-Ministru Scicluna jieqaf jherri r-reputazzjoni ta’ Malta u jipperikola l-impjiegi

"Il-Ministru Scicluna qed jgħix f'pjaneta oħra" - Adrian Delia

“Il-Ministru Edward Scicluna ma baqalu l-ebda triq oħra ħlief li jirriżenja għax kull ġurnata li tgħaddi qed iħammar wiċċ Malta u jipperikola l-postijiet tax-xogħol fis-settur tas-servizzi finanzjarji.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Parlament. Dan wara li l-konklużjonijiet li ħarġu mir-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea dwar l-FIAU u l-bank Pilatus.

Dr Delia qal li mat-Times of Malta, l-Ministru Edward Scicluna pprova jagħti l-impressjoni li l-istituzzjonijiet Ewropej fosthom l-Awtorità Bankarja Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew huma kkontrollati mill-Oppożizzjoni. Huwa qal li l-Ministru Edward Scicluna kellu biżżejjed informazzjoni sabiex jieħu d-deċiżjonijiet li kellu jieħu biex isalva r-reputazzjoni ta’ Malta.

Adrian Delia qal li l-Awtorità Bankarja Ewropea ħarġet rapport b’konklużjonijiet ċari dwar l-FIAU u l-bank Pilatus fejn jissemmgħu ‘nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi’ fil-mod kif l-awtoritajiet Maltin ħallew lill-bank Pilatus jikser il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus. Dan meta l-istituzzjonijiet suppost li qegħdin hemmhekk sabiex jipproteġu lin-nies, iżda dan ma jistgħux jagħmluh għax jinsabu ostaġġ tal-Gvern Laburista. Minflok il-Ministru Edward Scicluna pprova jiskredita ir-rapporti u baqa’ ma ħax id-deċiżjonijiet li kien hemm bżonn.

Dr Delia qal li wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea fuq l-FIAU u l-bank Pilatus, in-nies qed jistennew li toħroġ il-verità kollha. F’pajjiżi serji, rapport bħal dan tal-Awtorità Bankarja Ewropea jwasslu għar-riżenji immedjati u xi ħadd iġorr ir-responsabbilità politika.

Dan għaliex il-Gvern għadu ma ħax id-deċiżjonijiet li kellu jieħu biex isalva r-reputazzjoni tajba tas-settur tas-servizzi finanzjarji li n-nies u l-professjonisti tant ħadmu għaliha. Jekk il-Ministru Edward Scicluna mhux lest li jerfa’ r-responsabbilità politika għandu jkun il-Prim Ministru Joseph Muscat li jara li tinġarr din ir-responsabbilità.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm il-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema għall-Ekonomija Kristy Debono.