Sport

Dallas Cowboys u Manchester United huma l-aktar tims sportivi ta’ valur

Għat-tieni sena konsekuttiva, it-tim tan-National Football League (NFL) Amerikan, Dallas Cowboys, hu kkonfermat bħala l-aktar tim sportiv li jiswa flus fid-dinja, skont l-aħħar evalwazzjoni ta’ Forbes magazine.

Il-lista ta’ Forbes għall-Aktar Għaxar Tims Sportivi ta’ Valur fid-Dinja ( Top 10 Most Valuable Sports Teams) tpoġġi lill-klabb tal-futbol Ingliż, Manchester United, bħala t-tieni l-aktar entità sportiva b’saħħitha f’termini ta’ finanzi, bir-Red Devils ikunu segwiti mill-klabbs Spanjoli Real Madrid (iċ-Champions tal-Ewropa) u Barċellona, li qed jokkupaw it-tielet u r-raba’ post, rispettivament.

Il-valur ta’ Dallas Cowboys – ikkaluklat mal-$4.8 biljuni – qabeż b’14 fil-mija, mill-$4.2 biljuni tas-sena li għaddiet. Dan meta l-klabb tal-NFL kien l-aktar entità sportiva fid-dinja li ġenerat flus ($840 milun) fl-aħħar sena, bi qligħ ta’ $350 miljun li hu wkoll l-ogħla minn kull brand (sportiv) ieħor fuq livell globali.

Madankollu – u grazzi għall-appell fenomenali tal-kampjonati tal-futboll fl-Ewropa – Manchester United, b’valur ta’ $4.12 biljuni; Real Madrid, b’valur ta’ $4.09 biljun ( żieda ta’ 14 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel) u Barċelona, li l-valur tagħhom żdied bi 12 fil-mija għal $4.06 biljuni huma wkoll protagonisti ta’ din il-kategorija esklussiva.

Sadanittant, fil-ħames post tat-‘Ten Most Valuable Sports Teams’ hemm in-New York Yankees, il-ġganti tal-Major League Baseball tal-Istati Uniti, li jiswew $4 biljuni.

Manchester United jibqgħu fil-quċċata tal-Aqwa Għaxar Tims tal-Futbol fid-Dinja fir-rigward ta’ dħul u fejn mill-ġdid, huma segwiti minn Real Madrid u Barċellona.

Hawnhekk qed nipproduċu ż-żewġ listi skont l-aħħar evalwazzjonijiet ta’ Forbes:

L-Aqwa 10 Tims Sportivi f’termini ta’ valur: 1) Dallas Cowboys, 2) Man Utd, 3) Real Madrid, 4) Barċelona, 5) New York Yankees, 6) New England Patriots (NFL), 7) New York Knicks (NBA), 8) Los Angeles Lakers (NBA), 9) New York Giants (NFL), 10) Golden State Warriors (NBA) /Washington Redskins (NFL)

L-Aktar 10 Tims tal-Futbol ta’ Valur fid-Dinja: 1) Manchester United ( Ingilterra), 2) Real Madrid (Spanja), 3) Barċelona (Spanja), 4) Bayern Munich (Ġermanja), 5) Manchester City (Ingilterra), 6) Arsenal (Ingilterra), 7) Chelsea (Ingilterra), 8) Liverpool (Ingilterra), 9) Juventus (Italja), 10 Tottenham Hotspur (Ingilterra)