Futbol

FILMAT: Kwalifikazzjoni storika għal Balzan

Issa jiffaċjaw lil Slovan Bratislava

F’Baku, Balzan kitbu paġna storika fil-klabb billi għall-ewwel darba għaddew rawnd f’kompetizzjoni Ewropeja. Balzan iddeffendew it-tliet gowls vantaġġ kontra Kesla u l-bieraħ filgħaxija għalkemm tilfu 2-1, il-Balzanin għaddew b’aggregate ta’ 5-3.

Balzan bdew bħala favoriti li jikkwalifikaw wara li ġimgħa ilu fl-Istadju taċ-Ċentinarju, Balzan rebħu 4-1 kontra Kesla tal-Ażerbajġan.

Kelsa bdew tajjeb il-partita u skurjaw kmieni l-gowl tal-vantaġġ fil-11-il minuta. Fawl ta’ Nenad Slivic u r-referi Russu Vilkov saffar penalty. Cesar Meza COLLI skorja l-gowl li ta ftit ta’ tama lit-tim Ażeri.

Kesla kellhom diversi okkażżjonijiet ta’ skor, waqt li Balzan kienu perikolużi l-iżjed b’Alfred Effiong.

Balzan irriskjaw meta qalgħu it-tieni gowl fid-90 minuta b’Alkhasov u fit-93 minuta Denis Silva kellu ċans jagħti l-kwalifikazzjoni lil Kelsa.

Imma wieħed mill-akkwisti l-ġodda ta’ Balzan, is-sostitut Andrija Majdevac mis-Serbja kien protagonista meta daħal jilgħab fil-85 minuta u ftit wara fil-95 minuta skorja l-gowl li serraħ ras il-Balzanin.

L-istess plejers minuta wara qala’ t-tieni karta safra u tkeċċa.

Balzan ħadu li riedu u għaddew għar-rawnd li jmiss u fis-26 ta’ Lulju jilagħbu kontra l-Islovakki ta’ Slovan Bratislava.