Internazzjonali

Ma teskludix il-possibbiltà li l-Brexit se jfalli

L-Unjoni Ewropea l-Ħamis wissiet lill-pajjiżi membri biex iħaffu t-tħejjijiet fil-każ li n-negozjati tal-Brexit ifallu.

It-twissija nħarġet hekk kif Dominic Raab, in-negozjatur ġdid tar-Renju Unit għall-Brexit, kellu jasal Brussell wara ribelljoni li kien hemm fil-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May dwar l-istrategija fil-konfront tal-Brexit.

Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet kemm il-pajjiżi membri kif ukoll il-privat biex jibdew jippreparaw għal kull eventwalità għall-Brexit li għandu jseħħ fit-30 ta’ Marzu.

Intqal li m’hemm ebda garanzija li sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit kien se jkun ftehim.
S’issa m’hemmx ħjiel ta’ ftehim u hemm diversi intoppi serji, fosthom se jiġri rigward il-fruntiera bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq. Dan apparti setturi oħra bħat-trasport.

Il-Ħamis Raab kellu jiltaqa’ għall-ewwel darba ma’ Michel Barnier, in-negozjatur tal-UE għall-Brexit.
Dan wara li l-predeċessur tiegħu David Davis u Boris Johnson, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin, irriżenjaw. Dan minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Prim Ministru May għall-Brexit. Pjan li kien se jżomm ir-Renju Unit ekonomikament qrib l-UE.

Il-pjan ħoloq ukoll firda kbira fi ħdan il-Partit Konservattiv u hemm ħafna spekulazzjoni li hi biss kwistjoni ta’ żmien qabel May titneħħa mill-poter minħabba ribelljoni mill-Konservattivi.
Barnier diġà wissa li ż-żmien qed jgħaddi u kien se jkun diffiċli li tintlaħaq konklużjoni fin-negozjati sad-data stabbilita ta’ Ottubru peress li l-Parlamenti fuq iż-żewġ naħat iridu japprovaw il-ftehim.

It-twissija kienet f’dokument ta’ 16-il paġna fejn intqal li ma kien se jkun hemm ebda perjodu ta’ transizzjoni u l-liġijiet tal-UE ma kinux se jkomplu japplikaw fil-konfront tar-Renju Unit wara t-30 ta’ Marzu fil-każ li ma jkun hemm ebda ftehim.