Futbol

Sarri fi ġlieda diffiċli biex iżomm lil Hazard ma’ Chelsea

Il-manager ġdid ta’ Chelsea, Maurizio Sarri, esprima x-xewqa li l-attakkant internazzjonali Belġjan, Eden Hazard, ikompli l-karriera tiegħu f’Londra. Fl-istess ħin, Sarri sostna li qed jittama ‘li jagħmel lil Hazard plejer jerġa’ aħjar milli hu fil-preżent’

Hazard hu wieħed mill-aktar plejers li spikkaw fil-logħob tat-Tazza tad-Dinja, bil-Belġju jirbħu l-midalja għat-tielet post wara sensiela ta’ wirjiet impressjonanti. Intant, fl-aħħar jiem żdiedet sew l-ispekulazzjoni li hu jista’ jingħaqad mal-klabb Spanjol Real Madrid fil-jiem li ġejjin.Fil-fatt, Hazard innifsu qal li ‘seta’ wasal iż-żmien għal esperjenza ġdida’ meta hu ilu plejer ta’ Chelsea għal dawn l-aħħar sitt snin.

Madankollu, Sarri, li hu l-eks-kowċ tal-klabb Taljan, Napoli, fisser lill-attakkant Belġjan bħala ‘wieħed mill-aħjar tliet plejers fl-Ewropa’ u spjega li jrid jipprova minn kollox biex iżommu ma’ Chelsea. Hu għamilha ċara li Hazard jinkwadra sew fil-pjanijiet tiegħu għall-istaġun li jmiss, meta l-bidu tal-Premiership Ingliż jinsab ftit ġimgħat ‘il bogħod.

Fl-istess ħin, l-indikazzjonijiet huma li Hazard jista’ diġà hu deċiż li jingħaqad ma’ Real Madrid, iċ-Champions tal-Ewropa, anki jekk qal li ‘id-deċiżjoni finali għandha tkun ta’ Chelsea’.

Sadanittant, il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-Belġju, Roberto Martinez, insista li Hazard għandu jikkunsidra li jitlaq lil Chelsea ‘għall-ġid tal-karriera tiegħu’.

Fi żviluppi oħra, Sarri qal li d-difensur internazzjonali ta’ Chelsea, Gary Cahill, għad għandu futur fi Stamford Bridge minkejja rapporti li l-klabb Ingliż qed jaħseb biex jakkwista lid-difensur Daniele Rugani mingħand Juventus tal-Italja.