Lokali

Elett chairman ġdid għall-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida ta’ Malta

Joseph Stafrace huwa ċ-Chairman il-ġdid tal-Fondazzjoni tal-Klieb Gwida ta’ Malta (Malta Guide Dogs Foundation – MGDF).

Hu ġie elett fil-Bord tal-MGDF għal terminu ta’ erba’ snin wara li kien l-uniku kandidat nominat mit-tlett ishma fondaturi, l-Għaqda Maltija tal-Għomja (Malta Society for the Blind – MSB), l-Għaqda tal-Għomja Torball u l-Assistenza għal Dawk Neqsin mid-Dawl ta’ Għawdex (Gozo Aid for the Visually Impaired – GAVI).

Il-membri l-oħra tal-Bord il-ġdid huma Francis Tirchett, Viċi-Chairman u rappreżentant tal-MSB; Lilibeth Cachia, Segretarja Onorarja; Charlotte Cilia, Teżorier Onorarja; Malcolm J. Naudi, responsabbli għar-Relazzjonijiet Pubbliċi; Dr Kevin Cutajar, Konsulent Legali u rappreżentant tal-GAVI; u Alfred Reale, rappreżentant tat-Torball.

“Għandi ħafna proġetti f’moħħi għall-fondazzjoni,” qal is-Sur Stafrace fl-ewwel kumment tiegħu wara li ġie elett, “u nixtieq naraha tikber.”

Is-Sur Stafrace, li għandu 46 sena, jaħdem fil-Ministeru tal-Edukazzjoni fejn jipprovdi servizzi lil studenti neqsin mid-dawl. Bħalissa qiegħed jistudja għal Higher Diploma fid-Diżabbilità, kors ta’ tlett snin fl-Università ta’ Malta, li jispera li jtemm is-sena d-dieħla, u jista’ jkompli għal tlett snin oħra għal Baċellerat fid-Diżabilità.

L-ewwel impjieg tiegħu kien mal-Playmobil. Fl-2010 ħadem fuq proġett tal-UE u mbagħad ingħaqad mal-Aġenzija Sapport. Ilu miżżewweġ ma’ Angelica għal dawn l-aħħar 17-il sena u joqogħdu l-Imtarfa. Għandu kelb gwida, Mazzi, li għandu 12-il sena u wasal biex jirtira. “Għadu b’saħħtu u bi ħsiebi nżommu bħala pet meta jirtira,” qal is-Sur Stafrace. “Jistħoqqlu l-imħabba u l-attenzjoni kollha wara x-xogħol li għamel.”

Is-Sur Stafrace huwa mdaħħal f’ħafna għaqdiet mhux governattivi (NGOs) u kien wieħed mill-fondaturi tal-MGDF mal-mibki Ron Colombo. Meta miet Ron, kien dam iktar minn sena bħala chairman u warajħ kien ġie elett Leone Sciberras, li kien dam fil-kariga għal dawn l-aħħar sitt snin. is-Sur Stafrace iħobb in-natura u fost il-passatempi tiegħu iħobb jogħdos, il-fotografija, l-arti, isuq ir-rota, il-mużika u s-safar.