Lokali

Sensiela ta’ titjiriet tal-Air Malta minn u lejn Malta jittardjaw

Għal ġurnata oħra l-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, qed tesperjenza iktar dewmien din id-darba bit-titjira KM 307 minn Malta lejn Munich.

It-titjira, li kellha titlaq minn Malta lejn Munich fid-0845, spiċċat ħalliet pajjiżna fl-1545. Filgħodu, wara li ttardjaw b’siegħa biex jitilgħu abbord u mingħajr ma ngħataw raġuni, il-passiġġieri spiċċaw maqbuda fuq l-ajruplan hekk kif il-kaptan avża li hu u l-ekwipaġġ tiegħu issa kienu qabżu l-ħin permissibbli fl-ajru. Dan ifisser li l-passiġġieri riedu jistennew li jmur ekwipaġġ ieħor li jkun jista’ jopera din it-titjira.

Dan id-dewmien wassal ukoll biex tittardja t-titjira li kellha tirritorna u tasal f’pajjiżna fis-1420, li minflok wara fis-1825. Jirriżulta li dan kollu nħoloq minħabba problema teknika tal-ajruplan, li wasslet ukoll biex iktar kmieni ttardjat it-titjira minn Katanja.

Sadattant s’issa kien hemm ukoll dewmien biex titlaq it-titjira KM 454 minn Malta lejn Lyon, fi Franza. Wara ttardjar oriġinali ta’ siegħa, il-kaptan ħabbar dewmien ulterjuri ta’ tliet kwarti oħra.

Ittardjaw biex jaslu f’Malta anke t-titjira KM 183 minn Southend, , KM 117 minn Gatwick kif ukoll dewmien ta’ ta’ iktar minn sagħtejn għat-titjira ta’ ritorn minn Amsterdam, li kellha tasal f’pajjiżna fit-14:50 iżda waslet ftit qabel is-18:00.

Ittardjaw ukoll it-titjiriet minn Malta lejn Comiso, Pariġi, Frankfurt, Vienna, Lourdes u żewġ titjiriet lejn Heathrow.