Internazzjonali

L-Istati Uniti: Stedina sorpriża lil Putin għal żjara

L-aħbar sorprendenti li, bħalissa, għaddejjin id-diskussjonijiet għal żjara potenzjali tal-President tar-Russja fl-Istati Uniti ntlaqgħet b’sorpriża minn ħafna, fosthom il-Kap Amerikan tas-servizzi sigrieti, Dan Coats.

L-istess Coats, li fisser iż-żjara potenzjali bħala ‘xi ħaġa speċjali’, żvela li hu għadu ma jafx x’iddiskutew il-President Amerikan Donald Trump u l-President Russu Vladimir Putin waqt l-aħħar laqgħa tagħhom f’Helsinki ( fil-Finlandja) u meta magħhom kien hemm preżenti biss l-interpreti.

Fil-fatt, Coats infaqa’ jidħak meta sama’ għall-ewwel darba li Trump kien stieden lil Putin biex iżur l-Istati Uniti, u waqt li hu kien qed ikun intervistat fl-Aspen Security Forum fl-Istat ta’ Colorado.

Intant, komplew il-battibekki politiċi dwar is-summit ta’ Trump ma Putin u wara li dawn il-Mexxejja ddiskutew numru ta’ suġġetti fil-privat.

Id-Demokratiċi Amerikani fl-Oppożizzjoni ma jridux li jsiru aktar laqgħat bejn Trump u Putin f’ċirkostanzi li ma jippermettux għall-iskrutinju. Chuck Schumer, l-ogħla senatur Demokratiku, qal li ‘dment li ma jsirux jafu x’seħħ tassew waqt il-laqgħa ta’ Helsinki, il-President Trump m’għandux jinvolvi ruħu aktar fi djalogi wiċċ-imb-wiċċ mal-Mexxej Russu, irrispettivament mil-lokalità li tista’ tintgħażel għat-taħditiet’.

Il-Presidenza ta’ Trump ilha żmien imtappna bl-allegazzjonijiet li hackers mir-Russja manipulaw l-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti bil-għan li jingħata vantaġġ ċar lill-istess Donald Trump, bħala l-kandidat tal-Partit Repubblikan.

Waqt it-taħditiet ma’ Trump f’Helsinki, Vladimir Putin offra aċċess għat-12 il-Russu li l-Amerikani qegħdin jakkużaw, fl-assenza tagħhom, dwar l-allegat indħil fl-elezzjoni. Iżda Putin ibbaża l-offerta fuq il-kundizzjoni li l-awtoritajiet Russi, imbagħad, jinterrogaw 12 il-Amerikan dwar każ differenti – bi Trump jiċħad għal din il-proposta wara li, għall-bidu, kien qed jidher dispost li jaċċettaha.

Mindu Donald Trump irritorna l-Istati Uniti mill-Finlandja, il-White House f’Washington kien kostrett li jikkorreġi jew jikkjarifika kummenti oħrajn dwar ir-Russja. Is-sitwazzjoni ħolqot mhux ftit tal-konfużjoni u d-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni qed ikomplu jinsistu għad-dettalji tat-taħditiet privati li kellu Trump ma’ Putin.