Lokali

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew se terġa’ żżur lil Malta

Delegazzjoni ta’ tmien Ewro-Parlamentari tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili se żżur Malta u Slovakkja u bejn is-17 u d-19 ta’ Settembru biex teżamina s-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, il-korruzzjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti fiż-żewġ pajjiżi.

L-għan taż-żjara ad hoc tad-delegazzjoni huwa li tara mill-qrib xi żviluppi kien hawn f’Malta u s-Slovakkja u tkompli x-xogħol ibbażat fuq ir-riżultati tal-missjonijiet preċedenti fiż-żewġ pajjiżi. Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia inqatlet f’Malta f’Ottubru tas-sena li għaddiet filwaqt li l-ġurnalista Jan Kuċiak inqatel fis-Slovakkja f’Marzu ta’ din is-sena.

Il-missjoni twaqqfet fuq rakkomandazzjoni mill-grupp ta’ monitoraġġ dwar l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni li għadu kif twaqqaf mill- Kumitat għal-Libertajiet Ċivili f’Ġunju. Il-grupp jindirizza b’mod speċifiku s-sitwazzjoni f’Malta u s-Slovakkja.

Wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, delegazzjoni tal-Parlament Ewropew kienet żaret Malta f’Dicembru biex tevalwa is-sitwazzjoni rigward l-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus.