Lokali

Iberraq għall-Air Malta b’strike ieħor fuq ix-xefaq

Reġa’ qed iberraq għall-Air Malta minħabba possibiltà ta’ strike ieħor, din id-darba mill-operations controllers tal-linja tal-ajru. Dan żvelatu l-gazzetta Times of Malta.

L-operations controllers, li m’għandhomx x’jaqsmu mal-Air Traffic Controllers, huma l-uffiċjali li minn jum għall-ieħor jimmaniġjaw it-titjiriet tal-Air Malta.

L-Air Malta kienet fetħet proċeduri fil-Qorti biex twaqqaf lil dawn l-uffiċjali milli jistrakjaw, imma jidher li l-Qorti tat deċiżjoni kontra l-Air Malta – biex issa, l-operations controllers mhumiex miżmuma milli jistrajkjaw.

Il-kwistjoni tmur lura għal Ottubru 2015, meta kienet twaqqfet assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dawn l-uffiċjali: l-Airline Operations Controllers. Madanakollu, l-Air Malta ma kinitx irrikonoxxiet lil din l-assoċjazzjoni u għadha sal-lum qed tirrifjuta li tirrikonoxxiha bħala l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-operations controllers.

Din is-sitwazzjoni kienet wasslet biex l-Assoċjazzjoni kienet wissiet li se tordna azzjonijiet industrijali jekk ma tiġix rikonoxxuta, bl-Air Malta tirrispondi billi tiftaħ mandat ta’ inibizzjoni biex twaqqaf lill-Assoċjazzjoni milli tagħmel l-azzjonijiet industrijali.

Imma hekk kif il-Qorti ddeċidiet li m’hemmx bażi għal dan il-mandat ta’ inibizzjoni, skont The Times, l-Assoċjazzjoni issa se tkun qed tiddeċiedi kif għandha tmexxi.

Dan hekk kif hemm mhux biss proċeduri dwar din il-kwistjoni quddiem it-Tribunal Industrijali, iżda anke ordni mid-Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali biex l-Assoċjazzjoni tiġi rikonoxxuta mill-Air Malta.

Dan il-każ hu l-aħħar minn sensiela ta’ kwistjonijiet li qed jolqtu lil-linja nazzjonali tal-ajru. Fil-jiem li għaddew, mijiet ta’ passiġġieri ntlaqtu minn każijiet ta’ ttardjar jew ikkanċellar ta’ titjiriet.

Delay għat-titjira lejn Lourdes “għax qed nistennew lill-caterer”