Lokali

Il-PN jinnota l-aħbar dwar t-tlestija tal-inkjesta u se jkun qed jikkummenta wara li tiġi ppubblikata

L-Avukat Ġenerali jgħid li tlestiet l-inkjesta dwar Egrant - "rapport voluminuż"

Ir-rapport tal-inkjesta li kkonkluda l-Maġistrat Aaron Bugeja għandu jiġi ppubblikat kollu kemm hu.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista immedjatament wara li ħarġet l-aħbar li l-Maġistrat Aaron Bugeja għadda r-rapport tal-inkjesta lill-Avukat Ġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista qal se jkun qed jistenna li r-riżultat ta’ din l-inkjesta jiġi ppubblikat kollu fl-ispirtu tat-trasparenza sħiħa, u se jkun qed jagħti r-reazzjonijiet tiegħu dwar dan hekk kif l-inkjesta tiġi ppubblikata.

Il-Maġistrat Aaron Bugeja kien ilu għal dawn l-aħħar 15-il xahar jiġbor informazzjoni għal din l-inkjesta li ssejħet wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet kitbet li l-kumpanija Egrant hi propjetà tas-sinjura Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru.

L-Avukat Ġenerali qal li l-inkjesta għaddiet għandu skont il-liġi, u żied jiddeskrivi r-rapport mgħoddi lilu mill-Maġistrat Aaron Bugeja bħala ‘rapport voluminuż’, tant li bħalissa għaddejja analiżi approfondita tal-inkjesta.

Fl-inkjesta, il-Maġistrat Aaron Bugeja kien mitlub jinvestiga jekk il-mara tal-Prim Ministru, Michelle Muscat, hijiex hi s-sid aħħari tal-kumpanija Egrant; jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat jew membri tal-familja tiegħu għandhomx kontijiet bankarji fil-Pilatus Bank; jekk hemmx nies oħra fosthom Keith Schembri jew Konrad Mizzi li għandhom kontijiet fil-Pilatus Bank u jekk dawn in-nies kollha kienux involuti fi transazzjonijiet finanzjarji suspettużi fi ħdan Pilatus Bank jew f’atti ta’ korruzzjoni jew ħasil ta’ flus ma’ persuni fl-Ażerbajġan fil-Pilatus Bank.

Skont ir-rapporti li kienu żvelaw dettalji dwar ‘Egrant’, irriżulta li l-kumpanija nfetħet flimkien ma’ żewġ kumpaniji sigrieti oħra li aktar tard sar magħruf li huma tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

Fi tweet, il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li r-rapport tal-inkjesta jinsab ghand l-Avukat Ġenerali.