Futbol Sport

Tliet inċentivi finanzjarji mill-MFA biex jgħinu lill-klabbs

Uħud mill-plejers tat-tim nazzjonali ta' taħt il-21 sena waqt it-taħriġ

Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo ħabbar tliet skemi ta’ inċentivi għall-istaġun li ġej biex jgħinu lill-klabbs. Fl-introduzzjoni tiegħu fid-diskors waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali, qal li waħda mill-isfidi tiegħu hu li jħares lejn l-istampa l-kbira kontra ta’ xi wħud li jħarsu biss lejn il-klabb tagħhom. It-tliet skemi għandhom total ta’ €760,000.

Darmanin Demajo qal li l-kelma suċċess tista’ tfisser differenti u saħaq li hemm sfida komuni fid-dinja tal-futbol li fuq livell ta’ klabbs m’hemmx stabbiltà fl-amministrazzjoni. Hu żied li minn riċerka li saret, il-klabbs tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni qed jaħdmu f’sistema finanzjarja ta’ bilanċ, fl-Ewwel Diviżjoni hemm nofs il-klabbs li jaħdmu bit-telf u oħrajn li jaħdmu tajjeb filwaqt li l-maġġoranza tal-klabbs tal-Premier jaħdmu bit-telf u jiddependu fuq persuna.

“L-assoċjazzjoni għandha l-obbligu li tibqa’ ssostni lill-klabbs, tant li 30% tal-ispejjeż tal-MFA imur direttament għat-tmexxija tal-kampjonati domestiċi u self li l-MFA ħadet biex tkun tista’ tiffinanzja lill-klabbs. Għall-istaġun li ġej se ngħinu fejn nistgħu.”

L-ewwel skema se tkun l-iskema tal-amministraturi tal-klabbs u għajnuna finanzjarja għall-faċilitajiet. Il-kors tal-amministraturi sar għall-ewwel darba s-sena l-oħra u kien suċċess u għalhekk din it-tema se tkun estiża. Din l-iskema għandha l-valur massimu ta’ €350,000.

It-tieni skema se tiggarantixxi dħul fiss lill-klabbs mill-gate Money. Din is-sistema se toffri aktar ċertezza li l-klabbs se jieħdu l-fondi għaliex l-MFA se tkun qed tixtri l-gate money. Darmanin Demajo semma li minħabba li d-dħul fiż-żewġ diviżjonijiet ta’ isfel hu kważi null, l-MFA qed titħajjar li tagħmel l-entratura għall-kampjonati tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni b’xejn. Din l-iskema għandha l-valur massimu ta’ €175,000.

It-tielet skema kienet idea li ġiet deċiża riċentament. Il-President tal-MFA qal li din bħall-iskemi l-oħra se jippruvawha biex jaraw jekk taħdimx. Din l-iskema se tikkumpensa lit-timijiet kollha li jintroduċu plejers taħt il-21 sena mal-klabb ewlieni tagħhom għal tal-anqas 30 minuta u huma eliġibbli li jilagħbu mat-tim nazzjonali.

Klabb tal-Premier li jintroduċi plejer se jieħu €125 ta’ kull plejer kull logħba, bit-tim partikolari jista’ jieħu sa massimu ta’ €6,500 kull tim kull staġun. Fl-Ewwel Diviżjoni, dawk li jintroduċu plejer jieħdu €70 ta’ kull plejer kull logħba, b’massimu ta’ €3,500 kull tim kull staġun.

Dawk li jilagħbu fit-Tieni Diviżjoni u jdaħħlu plejer taħt din l-iskema, jirċievu €60 kull plejer, b’massimu ta’ €3,000 kull tim kull staġun. Il-klabbs tat-Tielet Diviżjoni jirċievu €50 ta’ kull plejer li jidħol kull logħba, b’massimu ta’ 2,500 kull tim kull staġun. Din l-iskema għandha valur ta’ €210,000.