Lokali

FILMAT: “Determinati li nsaħħu lill-Partit Nazzjonalista” – Adrian Delia

Il-Qorti tkellmet u rridu naċċettaw ir-riżultat tal-inkjesta

“Għalkemm irridu nieħdu deċiżjonijiet iebsin, determinati li nsaħħu lill-Partit Nazzjonalista”. Kien dan fil-qofol tal-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta pparteċipa f’edizzjoni speċjali tal-programm Iswed Fuq l-Abjad preżentat mill-preżentatur Frank Psaila.

“Messaġġ ta’ kuraġġ illi aħna għandna l-konvinzjoni u d-determinazzjoni li l-Partit Nazzjonalista insaħħuħ u nibnuh aktar minn qatt qabel. Hemm bżonn, u se jittieħdu deċiżjonijiet iebsin, imma se niddeċiedi b’responsabbiltà u fl-aqwa interess tal-Partit Nazzjonalista”, qal Adrian Delia.

Hu kien qed jitkellem fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew wara li ġiet ippubblikata l-inkjesta li ħejja l-Maġistrat Aaron Bugeja u li sabet li l-kumpanija ‘Egrant Inc’ la hija ta’ mart il-Prim Ministru u lanqas tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Adrian Delia spjega li l-konklużjonijiet tal-inkjesta huma ċari dwar il-kwistjoni ta’ Egrant u jekk kienx hemm ħasil ta’ flus tramite l-bank Pilatus, u għaldaqstant ladarba l-Qorti tkellmet, issa wieħed għandu jaċċetta r-riżultat tal-inkjesta.

“Kif se nibnu Oppożizzjoni b’saħħitha? Billi b’arroganza nibqgħu inwebbsu rasna?” staqsa Adrian b’referenza għal min mhux lest li jaċċetta r-riżultat tal-inkjesta magħmula minn Maġistrat li kulħadd kien jaqbel li huwa Maġistrat serju u tal-affari tiegħu. “Irridu jkollna l-kreddibiltà, fejn ma ngħidux li kollox iswed meta jkun hemm il-griż jew l-abjad,” qal Adrian Delia. “Fejn hu ċar irridu nammettu li żbaljajna għax għalxejn indaħħlu rasna fir-ramel u nibqgħu ninsistu,” żied jgħid.

Adrian Delia qal li jekk verament nemmnu fis-saltan tad-dritt u fis-saħħa tal-istituzzjoni tal-Qorti, mela allura rridu naċċettaw il-ġudizzju tal-Qorti, naraw x’qalet u nimxu ‘l quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied jiċċara u jinsisti li l-inkjesta li tħejjiet mill-Maġistrat Aaron Bugeja titkellem biss dwar il-kwistjoni ta’ Egrant u filfatt ma teżonerax lill-eqreb nies tal-Prim Ministru Joseph Muscat minn affarijiet oħra.

“Infakkar li hemm inkjesti oħra quddiem Maġistrati oħra dwar affarijiet differenti,” qal Adrian Delia. “Dawn l-inkjesti għadhom hemm u mhux veru meta l-Prim Ministru jgħid li din l-inkjesta eżonerat lil kulħadd,” żied jgħid waqt li fakkar li hemm fatti li juru li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi għandhom strutturi li huma pubbliċi u li dwarhom ma ntrefgħatx responsabbiltà politika la minnhom stess u wisq inqas mill-Prim Ministru.

Dwar affarijiet li dwarhom m’hemmx provi biżżejjed, Adrian Delia spjega l-mod kif jimxi. “Dejjem imxejt b’mod konsistenti. Għidt li fejn m’hemmx provi biżżejjed, wieħed ma jistax jikkundanna u jikkonkludi,” qal waqt li kkwota lill-Maġistrat Aaron Bugeja li fil-konklużjoni tal-inkjesta kiteb ‘Mitt suspett ma jagħmlux prova waħda’. Hu żied jgħid li fejn m’hemmx provi ma jikkundannax, imma fejn hemm il-provi, jiġġieled il-korruzzjoni bil-qawwa kollha.

Dwar il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jibni mill-ġdid il-kreddibiltà tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit għandu l-obbligu li jibni Oppożizzjoni b’saħħitha fl-interess tad-demokrazija u tal-pajjiż, u dan sabiex ikun hemm Oppożizzjoni b’saħħitha għal Gvern li għandu mandat b’saħħtu ħafna.

“Ejjew naraw x’inhu ta’ ġid għall-pajjiż u għall-partit għax jekk veru nemmnu fid-demokrazija, irridu nkunu ċerti li nwettquha”, qal Adrian Delia meta tkellem dwar it-talba li għamel fil-jumejn li għaddew biex anke fi ħdan il-Partit Nazzjonalista tintrefa’ r-responsabbiltà politika.

“Bl-istess mod kif jeħtieġ li tintrefa’ r-responsabbiltà politika min-naħa tal-Gvern, daqstant ieħor trid tintrefa’ r-responsabbiltà politika min-naħa tal-Partit Nazzjonalista”, qal Adrian Delia waqt li assigura lill-pubbliku li t-teħid tad-deċiżjonijiet iebsin bl-ebda mod ma jaffettwaw l-impenn tal-Partit Nazzjonalista fil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni, wissa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

“Jekk il-Partit Laburista jidhirlu li jrid jifraħli għax mingħalih qed jifraħ lil xi ħadd li mhux se jiġġieled il-korruzzjoni, ma jafx x’qed jgħid,” żied jgħid. “Anzi, iktar se niġġieled il-korruzzjoni billi meta ma jkunx hemm każ, nieqaf u niskot, imma meta jkun hemm każ ta’ korruzzjoni, noħroġ iktar b’saħħti minn qatt qabel” temm jgħid.

Tul l-intervista, Adrian Delia fakkar li fil-jumejn li għaddew talab biex l-inkjesta tiġi ppubblikata fl-intier tagħha, għalkemm innota li l-konklużjonijiet jiġbru d-deċiżjonijiet aħħarija tal-Maġistrat. Fakkar ukoll fit-talba li għamel lill-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja tal-inkjesta kollha. Fl-istess intervista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-Avukat Ġenerali kitiblu lura fejn qallu li qed jikkunsidra t-talba tiegħu.

Mistoqsi dwar kitbiet pubbliċi li għamlu xi deputati mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella biex kulħadd iħalli lir-raġuni tirbaħ.

“Ejjew nifhmu li l-għedewwa tagħna huma l-gideb, il-mibiegħda u l-korruzzjoni – u dawn nistgħu niġġildulhom biss bis-saħħa, bl-għaqda u bil-verità,” qal Adrian Delia. Hu nsista li rridu nirrkonoxxu fejn sar il-ħażin, filwaqt li nkunu determinati li nbiddlu l-mod kif nagħmlu l-affarijiet.

“Nitlob lill-Maltin u l-Għawdxin li jemmnu fid-demokrazija biex iħallu dan il-proċess iseħħ għall-ġid tal-partit u tal-pajjiż, għax jekk mhux se jsir hekk, se jkollna żbilanċ fid-demokrazija. Jeħtieġ li l-Partit ma jibqax jiġġieled minn ġewwa iżda jaqbad il-barri minn qrunu u jieħu d-deċiżjonijiet li għandhom iwasslu biex wara l-maltemp, jiġi l-bnazzi”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Kien hawnhekk fejn tkellem dwar l-impenn tiegħu li jerġa’ jagħmel lill-Partit Nazzjonalista relevanti għall-ħtiġijiet tan-nies u dan billi jibni l-kreddibiltà tal-Partit mill-ġdid wara l-aħħar riżultat elettorali li ra lill-Partit Nazzjonalista jitlef l-elezzjoni b’40,000 vot.

“Meta titlef b’dak il-mod ikun ifisser li n-nies m’għadhomx jemmnuk,” qal Adrian Delia. “Imma nagħmel messaġġ ta’ kuraġġ li aħna għandna l-konvinzjoni u d-determinazzjoni li nsaħħu lill-Partit Nazzjonalista u nibnuh aktar minn qatt”, temm jgħid waqt li fakkar li l-bibien tal-Partit Nazzjonalista se jibqgħu miftuħin għal kull min hu ta’ rieda tajba.