Futbol Sport

Ħamrun Spartans jippreżentaw tliet plejers

Ħamrun Spartans ħabbru tliet akkwisti oħra li se jkomplu jgħinu fit-tisħiħ tal-iskwadra tagħhom bi preparazzjoni għall-Kampjonat Premier li jibda x-xahar id-dieħel. Żewġ plejers minnhom huma difensuri ċentrali filwaqt li l-plejer l-ieħor hu offensiv.

Id-difensuri huma l-Urugwajan ta’ 24 sena Jorge Nicolas Pandiani u t-Taljan ukoll ta’ 24 sena Samuele Romeo. Pandiani lagħab fil-bidu tal-karriera tiegħu ma’ Villarreal C sakemm ingħaqad ma’ Atletico Balerares fit-Tielet Diviżjoni Spanjola. Jorge hu iben Walter Pandiani li fil-passat lagħab ma’ Deportivo La Coruna.

Samuele Romeo hu prodott ta’ Palermo u fil-karriera tiegħu lagħab ukoll ma’ Empoli, Juve Stabia u Latina. Riċentament Romeo kien jifforma parti mit-tim ta’ Pomigliano fis-Serie D Taljana.

Il-plejer l-ieħor hu wiċċ familjari mal-futbol Malti. Dan hu l-winger b’passaport Malti Njongo Priso. Hu għandu 29 sena u fil-passat lagħab f’pajjiżna ma’ Msida, Valletta, Sliema, Mosta u Pembroke.

Intant il-klabb promoss Qormi ħabbar żewġ akkwisti li għamel. Huma ppreżentaw lill-midfielder ta’ 23 sena Kassiano Soares. Il-Brażiljan hu prodott ta’ Fluminese u f’pajjiżu lagħab ukoll ma’ Sport Club Internacional kif ukoll lagħab fil-Finlandja.

Il-plejer l-ieħor hu t-Taljan Davide Mansi. Il-Qriema laħqu ftehim ma’ Chievo Verona biex jakkwistaw lid-difensur ta’ 22 sena b’self, plejer li l-istaġun li għadda lagħab ma’ Mosta.

Tarxien Rainbows ħabbru li kkonfermaw għal staġun ieħor lill-gowlkiper Andrea Cassar. Hu se jerġa’ jkun il-captain tat-tim li ilu miegħu għal dawn l-aħħar tliet staġuni.