Futbol Sport

Barcelona jidħlu fl-aħħar ħin, jaqbżu lil Roma u jakkwistaw lil Malcom

(Ritratt: EPA)

Barcelona rnexxielhom jakkwistaw lil Malcom fl-aħħar mumenti wara li l-plejer Brażiljan kien kważi lest biex jilgħab fis-Serie A ma’ Roma. Il-Katalani akkwistaw il-plejer mingħand Bordeaux għal somma li tista’ titla għal €42 miljun. Stqarrija fuq is-sit ta’ Barcelona qalet li l-Brażiljan se jiffirma kuntratt ta’ ħames snin.

Malcom hu mistenni li jasal Barcelona llum fejn se jkollu r-ritratt tradizzjonali bl-arma ta’ Barcelona barra l-uffiċji tal-klabb, qabel ma jagħmel l-eżami mediku l-Erbgħa filgħodu. Il-plejer ta’ 21 sena jingħaqad mal-klabb fit-tour tal-pre-season li qed jagħmlu fl-Istati Uniti.

Roma kienu laħqu ftehim ma’ Bordeaux għas-somma ta’ ftit aktar minn €35 miljun fejn kien jonqos biss l-eżami mediku, iżda meta sar jaf bl-interess ta’ Barcelona, Malcom talab li jitkellem magħhom. Hu kien fil-mira wkoll ta’ Tottenham f’Jannar qabel ma Lucas Moura ffirma mingħand PSG.

Hu skorja 23 gowl f’96 logħba mat-tim tal-Ligue 1, wara li ngħaqad magħhom mingħand it-tim Brażiljan Corinthians fl-2016.