Futbol Sport

FUTBOL FL-ISTATI UNITI : Il-100 gowl u rekord għal Wright-Phillips

Bradley Wright-Phillips, l-attakkant Ingliż ta’ New York Red Bulls, waqqaf rekord bħala l-plejer li rnexxielu jiskorja 100 gowl fl-aktar perjodu qasir, fl-istorja tal-Major League Soccer (MLS) tal-Istati Uniti.

L-attakkant – li hu t-tifel tal-eksplejer ta’ Crystal Palace u Arsenal, Ian Wright – laħaq dan it-tragward fit-tieni minuta tal-logħba bejn it-tim ta’ New York u DC United, u fejn irnexxielu jegħleb mill-viċin lill-gowlkiper, David Ousted, għall-uniku gowl tal-logħba.

Wara l-gowl, Wright-Phillips iċċelebra b’li jneħħi l-flokk biex juri flokk ieħor li kien liebes taħt u fejn spikka n-numru ‘100’.

Il-gowl storiku wasal meta l-attakkant kien qed jilgħab il-159 logħba tiegħu fl-MLS, b’Wright-Phillips – eksplejer ta’ Manchester City, Southampton, Plymouth u Charlton – isir biss il-ħdax il-plejer fl-ogħla diviżjoni tal-Istati Uniti li rnexxielu jgħaqqad il-100 gowl fil-logħob kompetittiv.