Lokali

AĠĠORNATA: Mal-frott isibu 200kg kannabis

Tliet persuni – żagħżugħ Malti u żewġ Sqallin – kienu arrestati mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wara dik li qed tkun meqjusa bħala l-akbar qabda ta’ droga kannabis din is-sena.

Is-sejba saret il-Ħamis waranofsinhar f’żewġ vannijiet li twaqqfu mill-Pulizija f’Ħal Luqa u f’Ta’ Qali. Il-Pulizija kienu ilhom isegwu ż-żewġ vetturi għal tul ta’ ħin u appena twaqqfu, instab li fihom kien hemm 200 kilogramma raża u ħaxixa tal-kannabis f’kaxxi li kienu mimlijin bettieħ u dulliegħ.

L-arrestati huma żagħżugħ Malti ta’ 28 sena minn San Ġwann u żewġ Sqallin, ta’ 30 u 31 sena. Huma kienu għadhom kif waslu Malta minn Sqallija, bil-vannijiet instaqu f’direzzjonijiet separati. Segwiti mill-Pulizija, wieħed mill-vannijiet twaqqaf f’Ħal Luqa, filwaqt li l-ieħor twaqqaf f’Ta’ Qali.

It-tfittxija wasslet biex qalb il-kaxxi mimlijin bid-dulliegħ instabet 100 kilogramma raża tal-kannabis, filwaqt li fil-kaxxi bil-bettieħ instabet 100 kilogramma ħaxixa tal-kannabis. It-tliet persuni arrestati, li qed jinżammu fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal aktar interrogazzjonijiet, mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin.

Dwar is-sejba infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Charmaine Galea.