Lokali

Żewġ serqiet f’temp ta’ ftit minuti

Illum wara nofsinhar, il-Pulizija ġew infurmati li seħħew żewġ hold-ups; wieħed f’Birkirkara u ieħor f’Ħal Tarxien.

Il-hold-ups seħħew għall-ħabta tal-3:15pm fejn f’Ħal Tarxien raġel mgħammad daħal f’ħanut fi Triq Santa Monica b’arma li taqta bil-ponta, filwaqt li f’Birkirkara l-każ seħħ fi Triq in-Naxxar meta persuna jew persuni daħlu f’ħanut li kien magħluq iwettqu serqa.

Dwar il-hold-up ta’ Ħal Tarxien, il-Pulizija qalu li l-ħalliel daħal fil-ħanut tal-merċa, ħataf il-cash register u telaq minn fuq il-post b’vettura wara li wettaq is-serqa. F’dan il-hold-up ma jirriżulta li weġġa’ ħadd għajr li xi ħaddiema tal-ħanut sofrew xokk.

Mill-banda l-oħra, fil-hold-up li seħħ f’Birkirkara, il-ħanut jirriżulta li kien magħluq. Skont il-Pulizija, il-ħalliel kisser ħġieġa biex seta’ jidħol fil-ħanut li kien magħluq, u aktarx weġġa’ fil-proċess li kisser il-ħġieġa. Anke f’dan il-każ, il-ħalliel ħataf il-cash register qabel ħarab minn fuq il-post.

Fiż-żewġ każijiet, fil-post issejħet l-għajnuna tal-Pulizija, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.