Internazzjonali

Eluf evakwati fost in-nirien katastrofiċi f’Kalifornja

Għexieren ta’ eluf ta’ nies kienu kostretti li jabbandunaw djarhom f’Kalifornja, fl-Istati Uniti, fejn nirien kbar li qabdu fl-inħawi ta’ Shasta county kienu qed javvanzaw b’veloċità u effett katastrofiku, minħabba l-ispinta tal-irwiefen.

Fil-fatt, l-irwiefen konsistenti ħolqu ‘tornados tan-nirien’ li qerdu numru konsiderevoli ta’ siġar, proprjetà u karozzi. L-awtoritajiet ikkonfermaw li fin-nirien mietu talanqas żewġ membri tal-iskwadri għall-emerġenzi, u mhux eskluż li ‘il quddiem jinstabu aktar vittmi tan-nirien, imlaqqmin ‘the Carr fire’.

In-nirien f’Kalifornja qerdu talanqas 500 struttura u qegħdin ikunu ta’ theddida għal eluf ta’ djar.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li talanqas tliet persuni kienu rappurtati neqsin fost l-aħħar spinta tan-nirien fl-inħawi.

Intant, l-iskwadri għall-emerġenzi li kienu qed jagħmlu l-almu biex jikkumbattu l-fjammi dehru li laħqu kontrollaw biss ‘bejn ħamsa u għaxra fil-mija biss’ tan-nirien.

Dan meta l-awtoritajiet huma inkwetati ħafna dwar in-nirien ‘ta’ qilla straordinarja’ u wara li l-fjammi, fl-aħħar jiem, qerdu madwar 194 kilometru kwadru ta’ art, tul zona akbar mill-belt ta’ San Francisco.

Għaldaqstant, l-evakwazzjonijiet tan-nies qed ikomplu taħt dawk il-‘kundizzjonijiet estremi’; b’talanqas 37,000 resident jitilqu miz-zona ta’ emerġenza.