Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni se jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali biex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia se jqabbad konsulenti legali u se jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali wara li dan baqa’ ma tahx kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li lesta l-Maġistrat Aaron Bugeja.

Wara t-talba li għamel biex tingħatalu kopja sħiħa tal-inkjesta, l-Kap tal-Oppożizzjoni kien aktar kmieni din il-ġimgħa daħħal protest ġudizzjarju kontra l-Avukat Ġenerali fejn kien tah 24 siegħa żmien sabiex jagħtih kopja sħiħa.

Bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat Ġenerali qed joħloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, b’detriment għall-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex il-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista Joseph Muscat għandu kopja sħiħa tal-inkjesta u kull ġurnata li tgħaddi dan l-iżbilanċ qed jimmilita favur il-Gvern u l-Partit Laburista.

Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li l-atti tal-inkjesta ma jiġux ippubblikati mhix ġustifikata u tmur kontra l-interess nazzjonali u t-trasparenza. Dan meta kemm il-Prim Ministru kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjaraw li l-atti tal-inkjesta għandhom jiġu ppubblikati b’mod sħiħ.

L-istess messaġġ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fissru f’messaġġ fejn stqarr li n-nuqqas ta’ informazzjoni mogħtija lill-Oppożizzjoni twassal għall-abbuż tal-poter: