Lokali

FILMAT: “Bil-kejl tiegħu stess il-Prim Ministru huwa obbligat li jieħu azzjoni dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi”

‘Meta l-Prim Ministru ħareġ b’wiċċu minn quddiem jgħid li wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja issa jista’ ma jirriżenjax, bl-istess mod Keith Schembri u Konrad Mizzi ma jistgħux ma jirriżenjawx.’ hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET FM. Dan meta huwa ppruvat li l-kumpaniji fil-Panama Hearnville u Tillgate huma taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi.

Dr Delia qal li filwaqt li r-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma sabx li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu huma s-sidien tal-kumpanija fil-Panama Egrant, bl-ebda mod ma tiskopla lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. Huwa qal li bil-kejl tal-Prim Ministru stess, li ċċelebra għax għalih kien importanti li jenfasizza li m’għandux kumpanija fil-Panama, qed jikkundanna lill-Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru jrid jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu fil-konfront ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi llum qabel għada jew inkella iġorr ir-reponsabbilità politika hu stess.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja huwa kiteb lill-Avukat Ġenerali sabiex jingħata kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta. Huwa qal li qabbad konsulenti legali biex jiftaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali wara li dan baqa’ ma tahx kopja sħiħa tal-atti tal-inkjesta li lesta l-Maġistrat Aaron Bugeja.

Dr Delia qal li bid-deċiżjoni tiegħu li ma jagħtihx kopja sħiħa tal-inkjesta, l-Avukat Ġenerali qed joħloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, u dan b’detriment għall-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni u l-aqwa interess nazzjonali. Dan għaliex filwaqt li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista għandu kopja sħiħa, l-Oppożizzjoni m’għandhix u għalhekk qed jinħoloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni fuq materja tant sensittiva. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhux se jippermetti li l-għodod tal-Istat jibqgħu maħkuma mill-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bl-istess mod irid iġorr ir-responsabbilità politika l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u jirriżenja. Dan wara l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea, li ħarġet rapport ċar dwar l-FIAU u l-bank Pilatus fejn l-Awtorità ssemmi ‘nuqqasijiet ġenerali u sistematiċi’ fil-mod kif l-awtoritajiet Maltin ħallew il-bank Pilatus jikser il-liġijiet Ewropej kontra l-ħasil tal-flus. Huwa qal li filwaqt li l-Gvern qed jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta għax jaqbillu, mhux jaċċetta l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awtorità Bankarja Ewropea li juru nuqqasijiet serjissimi. Minflok qed jippruvaw jirredikolaw u jattakkaw istituzzjoni indipendenti Ewropea, filwaqt li jiddefendu ftit nies qrib il-Prim Ministru, minflok ir-reputazzjoni u l-impjiegi fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Dr Delia qal li r-responsabbilità politika trid tintrefa’ b’mod speċjali mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, li flok aġixxa biex ma ssirx ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, kompla għarraqha b’kummenti inaċċettabbli f’artiklu fil-midja. Huwa qal li f’pajjiżi serji, rapport bħal dak tal-Awtorità Bankarja Ewropea jwasslu għar-riżenji immedjati u jekk Edward Scicluna ma jirriżenjax, l-istess bħal fil-kwistjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, r-responsabbilità politika għandu jġorrha l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Erġa’ segwi l-intervista sħiħa fil-filmat t’hawn taħt