Lokali

FILMAT: Ġimgħa mill-inkjesta: Muscat jibqa’ jgħatti lil Keith Schembri u Konrad Mizzi

Muscat ma għamilx dak li kien kien mistenni li jagħmel b’Konrad Mizzi u Keith Schembri li ma ġewx eżonerati mill-inkjesta ta’ Aaron Bugeja

Ġimgħa mir-rapport tal-Maġistrat Aaron Bugeja li bl-ebda mod ma’ jeżonera lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri, mill-allegazzjonijiet serji li hemm kontra tagħhom u li dwarhom għad hemm tliet inkjesti maġisterjali quddiem il-Qrati Maltin, il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ tul din il-ġimgħa jgħatti lill-Ministru tiegħu u lill-Kap tal-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.

Irrappurtat dan il-gazzetta il-mument.

Din l-imġiba politika u n-nuqqas ta’ azzjoni tal-Prim Ministru Muscat, tikkuntrasta bil-kbir mal-pożizzjoni li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ħa d-deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà politika fil-Partit Nazzjonalista. Il-Prim Ministru Joseph Muscat, min-naħa l-oħra, tul din il-ġimgħa wara li nħarġet l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta Egrant, ma għamilx dak li kien kien mistenni li jagħmel b’dawk li ma ġewx eżonerati mill-inkjesta ta’ Aaron Bugeja u li ammettew li għandhom dak li Muscat jinsab kuntent li issa ġie stabbilit li m’għandux.

Il-kumpaniji Hearnville u Tillgate huma kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri u li l-eżistenza tagħhom ġiet ikkonfermata fl-inkjesta ta’ Aaron Bugeja stess.

Bl-imġiba tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat wera tul din l-aħħar ġimgħa, li qiegħed jaħrab milli hu wkoll jerfa’ r-responsabbiltà politika u jieħu l-passi mistennija minnu fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri li minkejja l-kumpaniji sigrieti, baqgħu jgawdu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom.

Adrian Delia stess din il-ġimgħa f’aktar minn okkażjoni waħda saħaq li d-deċiżjonijiet tiegħu dwar ir-responsabbiltà politika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ħadhom. Issa l-ballun jinsab f’saqajn il-Prim Ministru Joseph Muscat biex tintrefa’ r-responsabbiltà minn dawk li l-Inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja ma eżonerathomx.