Lokali

FILMAT: Il-pittura l-ġdida f’Raħal Ġdid imfaħħra mill-‘Catholic Herald’

ILLUM IĊĊELEBRATA L-FESTA TA’ KRISTU RE F’RAĦAL ĠDID

Il-pittura l-ġdida inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu fil-knisja parrokkjali ta’ Raħal Ġdid fejn illum qed tkun iċċelebrata l-festa titulari ta’ Kristu Re, kienet imfaħħra mis-sit elettroniku tal-gazzetta Ingliża Catholic Herald.

L-artiklu bit-titlu ‘A masterpiece of Catholic art unveiled in Malta’, inkiteb minn Fr Alexander Lucie Smith, saċerdot Ingliż li qatta’ parti minn żogħżitu f’Malta flimkien mal-ġenituri tiegħu.

Fr Lucie Smith jirrakkonta li xi żmien ilu kellu diskussjoni ma’ patri Ġiżwita li kien insista li l-knejjes moderni kien jinħtieġu xogħlijiet ta’ arti moderna u kontemporanja. Il-kittieb qal li min-naħa tiegħu kien jaħseb li dak li verament jeħtieġu l-knejjes hija arti ta’ veru, u dan għadu possibbli.

Tant hu possibbli li dan l-aħħar, f’Raħal Ġdid f’Malta – l-akbar knisja Maltija – kienet inawgurata pittura mill-isbaħ, magħmula mill-artist żagħżugħ Manuel Farrugia, li turi lil Kristu Re flimkien ma’ San Ġwann il-Battista, l-Omm Immakulata, u anġlu li qed joffri l-inċens u li jissimbolizza lil Malta, u bl-emblema tal-Kungress Ewkaristiku tal-1913 li propju għalih kienet mibnija l-knisja biex tfakkar dak l-avveniment uniku f’pajjiżna.

Fr Lucie Smith jgħid li l-idea kienet tal-Kappillan Dun Mark Andrè Camilleri u l-pittura saret wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet djoċesana li għamlu r-rakkomondazzjonijiet tagħhom.

Jingħad fl-artiklu li kien hemm donatur anonimu li ħallas għal din il-pittura waqt li l-ispejjeż għal dak li hu scaffolding tħallsu minn ġbir fost il-parruċċani.

L-Arċisqof Scicluna, iżid Fr Lucie Smith, kien ferħan ħafna b’din il-pittura anke għaliex kien jaħdem f’dik il-parroċċa meta kien għadu djaknu.

Fr Lucie Smith jgħid li din il-knisja kienet disinjata minn Ġużè Damato, arkitett li iddedika ħajtu għall-bini ta’ knejjes u li dejjem ħadem dan ix-xogħol b’xejn. “A saint if ever there was one”, qal Fr Smith.