Lokali

FILMAT: Is-saħħa sesswali fuq l-aġenda tal-MŻPN

Is-saħħa sesswali tinsab fuq l-aġenda tal-MŻPN hekk kif il-Ħadd ittella’ l-ewwel seminar minn sensiela bħala parti mill-kampanja ‘Viżjoni MŻPN’.

Id-diskussjoni tmexxiet mis-Segretarju Ġenerali tal-MŻPN Emma Portelli Bonnici li ma’ NET News tkellmet dwar is-suġġetti varji li ġew diskussa, fosthom id-disponibilità aktar wiegħsa tal-kontraċettivi, il-mediċina li tipprevjeni l-HIV u l-prevenzjoni tal-mard fis-saħħa sesswali.

Joseph Grech, President tal-MŻPN spjega li dan is-suġġett kien wieħed minn ħafna li l-MŻPN se jkun qed jiddiskuti taħt il-kappa ta’ ‘Viżjoni MŻPN’.

“F’Viżjoni MŻPN se nkunu qed niddiskutu ħafna temi differenti li jolqtu liż-żgħażagħ u li xi kultant il-partiti ma jitkellmux fuqhom,” qal Joseph Grech. “Dak li qed niddiskutu llum huwa wieħed mis-suġġetti li xi kultant nieħdu pass lura u ma nitkellmux fuqu meta fil-verità dan huwa suġġett li jolqot liż-żgħażagħ u allura huwa d-dmir tagħna bħala MŻPN li niddiskutu dan is-suġġett,” żied jgħid.

Is-seminar kien indirizzat minn numru ta’ esperti f’oqsma varji tas-saħħa sesswali. Kien indirizzat ukoll mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista responsabbli miż-żgħażagħ Ryan Callus.

“L-MŻPN kellhom il-kuraġġ jieħdu dan is-suġġett u jagħmlu din id-diskussjoni ma’ numru ta’ żgħażagħ. Ġejt hawnhekk bħala politiku responsabbli miż-żgħażagħ biex nisma’ dawn l-ideat, biex inwasslu dawn l-ideat fil-Parlament. Però naturalemnt l-MŻPN qed jieħu din l-inizjattiva biex jaġġorna l-politika tal-MŻPN però fl-istess ħin qed jagħmel hekk biex itejjeb il-politika tal-partit fuq iż-żgħażagħ,” qal Ryan Callus.

Is-seminar, ‘Sex – Are we Doing it Right?’, kien l-ewwel seminar minn ħafna li l-MŻPN qed jippjana li jagħmel bħala parti mill-kampanja Viżjoni MŻPN.

“Għandna iktar suġġetti li jinterssaw liż-żgħażagħ. Għadna ma żvelajniex x’inhuma però fil-ġranet li ġejjin inkunu qed nitkellmu fuq suġġetti oħrajn bħal dan li bħala partit nistgħu nagħmlu differenza fil-ħajja taż-żgħażagħ u dan huwa dak li rridu nagħmlu bħala MŻPN taħt il-kappa ta’ ‘Viżjoni MŻPN’,” temm jgħid il-President tal-MŻPN.

Is-seminar ttella’ f’Casa Pereira fil-Belt Valletta – il-bini li jospita fih il-Fondazzjoni AŻAD.