Internazzjonali

Isostni li l-UE qed tipprova tinganna r-Renju Unit

Matteo Salvini, il-Ministru tal-Intern Taljan kif ukoll Viċi Prim Ministru, akkuża lill-Unjoni Ewropea li qed tipprova tinganna r-Renju Unit fin-negozjati għall-Brexit.

F’intervista mas-Sunday Times ta’ Londra, Salvini qal li m’hemm ebda rieda tajba min-naħa tal-Unjoni Ewropea f’dawn in-negozjati u mill-esperjenza tiegħu fil-Parlament Ewropew, l-aġir ikun li jew wieħed jimponi lilu nnifsu inkella jingannawk.

Id-data stabbilita għall-Brexit hi d-29 ta’ Marzu u l-Prim Ministru Theresa May qed tissielet biex tirranġa t-termini għar-relazzjoni li se jkun hemm la darba dan is-seħħ.

Salvini appella lil May biex iżomm sod mal-prinċipji tagħha u biex tkun lesta li tirtira mill-UE mingħajr ma jkun hemm ftehim. Xi ħaġa li ħafna negozji jibżgħu li twassal għall-kaos.

Il-gazzetta wkoll ikkwotat sorsi fi ħdan il-Gvern Ingliż li qalu li l-Armata qed tlesti biex tibda tqassam l-ikel u l-mediċina jekk ikun hemm intoppi serji fil-portijiet wara l-Brexit. Is-sorsi qalu li qed isir ħafna ppjanar għall-agħar xenarju, u dan għas-sempliċi raġuni li wieħed irid ikun realistiku għall-possibbiltajiet li jista’ jkun hemm.

Supermarkets ewlenin fir-Renju Unit qed jitolbu dawk lil jipprovduhom bl-ikel biex iżommu provista żejda f’dak il-perjodu minħabba kull eventwalità. Salvini hu magħruf għall-pożizzjoni ostili lejn l-UE u jagħti t-tort lil ewro għal ħafna mill-problemi ekonomiċi li għandha l-Italja.