Basketball Sport

It-tim Malti ta’ taħt it-18-il sena jitlef il-finali tal-Kampjonat Ewropew ta’ Diviżjoni Ċ kontra Ġibiltà

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa ta’ taħt it-18-il sena naqas li jirbaħ il-Kampjonat Ewropew ta’ Diviżjoni Ċ wara li spiċċa megħlub minn Ġibiltà 56-49. It-tim Malti kien diġà lagħab f’din il-kompetizzjoni kontra Ġibiltà fejn kien rebaħ 77-53.

Matul il-partita t-tim Malti qatt ma kien minn fuq, u dan wassal biex in-nisa Maltin kellhom jiġru wara l-logħba tul il-konfront. L-aqwa skorers għat-tim Malti kienu Michela Zammit Cordina u Anthea Micallef bi 13 u 10 punti rispettivament.

Ġibiltà rebħu l-ewwel perjodu 19-12 u baqa’ jżomm il-vantaġġ qabel il-ħin tal-mistrieħ, minkejja li n-nisa Maltin naqqsu d-distakk għal erba’ punti fl-aħħar minuta, iżda Ġibiltà daħlet 31-25 fil-vantaġġ.

Huma baqgħu jkabbru l-vantaġġ gradwalment u sa nofs it-tielet perjodu kellhom tmien punti, liema vantaġġ kiber għal 12-il punt qabel il-bidu tal-aħħar sessjoni li bdewha 47-35 minn fuq.

Malta bdiet tajjeb l-aħħar perjodu u sa nofs ir-raba’ perjodu d-distakk kien 49-42. Jasmine Abela kompliet tiftaħ it-tamiet tat-tim Malti bi three pointer erba’ minuti mit-tmie. Kien three pointer ftit aktar minn żewġ minuti għat-tmiem li donnu qata’ t-tama tat-tim Malti, b’Ġibiltà jamministraw il-vantaġġ sat-tmiem.

Unur individwali għal Kristy Galea

Intant, Kristy Galea rebħet l-unur Most Valuable Player. Fil-finali ż-żagħżugħa ta’ 18-il sena kisbet seba’ punti, 10 rebounds u 3 steals. Fil-ħames logħbiet tagħha f’Andorra, kellha l-ogħla medja ta’ 16.4 punt kull logħba, 9 rebounds, 3.2 assists u 3 steals kull logħba.