Internazzjonali

Jiddiskutu d-destin ta’ Assange

L-Ekwador jinsab f’taħtditiet mar-Renju Unit dwar id-destin ta’ Julian Assange, il-fundatur tal-Wikileaks, li ilu igħix fl-Ambaxxata tal-Ekwador f’Lon-dra mill-2012 wara li ngħata kenn politiku.

Dan ħabbru l-President tal-Ekwador, Lenin Moreno, f’intervista mal-gazzetta Spanjola El Pais. Huwa qal li hemm kuntatt ukoll mal-avukati ta’ Assange biex tinsab soluzzjoni għal din il-kwistjoni.

Moreno qal li hemm bżonn soluzzjoni biex ikunu protetti d-drittijiet ta’ Assange, li għandu 47 sena. Huwa kien talab kenn fl-Ambaxxata tal-Ekwador f’Londra biex jevita l-estradizzjoni lejn l-Iżvezja, fejn hemm akkużi li ħebb sesswalment għal xi nisa. Xi ħaġa li hu jiċħad u jinsisti li dawn l-akkużi għandhom motivazzjoni politika.

Dawn l-akkużi jistgħu wkoll iwasslu biex hu jiġi estradit lejn l-Istati Uniti biex jintbagħat il-ħabs minħabba l-pubblikazzjoni fuq il-Wikileaks fl-2010 ta’ informazzjoni sigrieta militari Amerikana u l-korrispondenza diplomatika Amerikana.

L-awtoritajiet Żvediżi s-sena li għaddiet kienu waqfu l-inves-tigazzjoni kontra Assange, imma huwa xorta għadu mfittex fir-Renju Unit talli kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

F’Marzu, l-Ekwador kien imblokka l-possibbiltà li Assange jikkomunika mad-dinja ta’ barra wara li fl-2017 kiser wegħda li ma jindaħalx fi kwistjonijiet ta’ pajjiżi oħra waqt li jkun hemmhekk. Dan wara li huwa kien ta l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Katalonja għall-indipendenza minn Spanja. Moreno qal li l-aħjar soluzzjoni tkun jekk Assange jaċċetta xi tip ta’ kastig talli kiser il-liġi fir-Renju Unit u mbagħad jiġi estradit lejn pajjiż fejn ma jkunx fil-periklu.