Lokali

“Mietet waqt vaganza fil-jum li kienet qed tiċċelebra għeluq sninha” – il-familja tal-vittma Maltija fl-inċident fl-Iskozja

“Frances Saliba Patanè kellha rispett u devozzjoni lejn il-passjoni tagħha bħala għalliema tal-Ingliż.”

Iddikjarat dan il-familja tal-vittma Maltija li tilfet ħajjitha traġikament waqt inċident fl-Iskozja, fejn flimkien ma’ żewġha u familja oħra ħbieb tagħhom kienu qed jiċċelebraw għeluq sninha. Sfortunatament l-inċident fatali seħħ propju fil-jum li Frances għalqet 63 sena.

Il-Maltija, li twieldet u trabbiet f’Birżebbuġa iżda emigrat lejn Sirakuża meta żżewġet Taljan, kienet abbord vann li kellu impatt head on f’vettura oħra ftit qabel nofsillejl nhar il-Ħamis li għadda.

Fl-impatt mietet Frances, kif ukoll iċ-ċkejken Lorenzo Ciocola ta’ tliet snin, li kienu akkumpanjati minn Federico (ta’ 4 snin) u l-ġenituri tagħhom Concetta u Alfredo li sofrew xi ġrieħi.

Mietu wkoll tliet Skoċċiżi li kienu passiġġieri fil-vettura l-oħra,  Ted Reid, ta’ 63 sena, Evalyn Collie ta’ 69 sena u Audrey Appleby ta’ 70 sena. Ix-xufier, Morag Smith ta’ 39 sena, qed jingħata l-kura għal ġrieħi serji iżda mhux fil-periklu tal-mewt.

Fl-istqarrija tal-familja ta’ Frances, ippubblikata mill-Pulizija, jingħad li kienet mara, omm u nanna maħbuba minn familtha, filwaqt li rringrazzjaw lill-istaff ta’ Aberdeen Royal Infirmary u lis-servizzi ta’ emerġenza tal-appoġġ tagħhom.

Il-Pulizija qed tappella biex persuni li kienu fiż-żona jew għandom xi filmati tal-inċident jgħadduhom lill-Pulizija biex jassistuhom fl-investigazzjonijiet li għadom għaddejjin.