Sport Sport Ieħor

Parteċipazzjoni għal Shelby Mangion Vassallo fil-Kampjonat Ewropew taż-Żgħażagħ

Fl-aħħar jiem saru l-Kampjonati taż-Żgħażagħ tal-Ewropa f’Milan fejn ipparteċipaw l-aqwa talent minn 34 pajjiż fil-kategoriji ta’ taħt il-15 u s-17-il sena. Shelby Mangion Vassallo kienet l-unika Maltija f’din il-kompetizzjoni fejn ħadet sehem fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena, fil-finali ta’ kategorija A tat-63kg.

Mangion Vassallo ħadet sehem ma’ kompetituri akbar minnhom minħabba li kienet din il-kategorija li tgħodd bħala avveniment ta’ kwalifikazzjoni għal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ.

Sfortunatament, Mangion Vassallo ma kinitx fl-aħjar tagħha. Hi spiċċat b’60kg fis-snatch u 70kg fil-clean and jerk. Din kienet l-ewwel darba li hi kkompetiet fil-kategorija tat-63kg, u kisret erba’ rekords nazzjonali taż-żgħażagħ u erba’ rekords fil-kategorija taż-żgħażagħ tat-63kg. Shelby Mangion Vassallo spiċċat fit-13-il post.

Hi kienet akkumpanjata mill-kowċ nazzjonali Jesmond Caruana. Mangion Vassallo tkomplI bil-preparazzjoni tagħha għal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ fi Buenos Aires f’Ottubru. L-atleta Maltija se tattendi kamp ta’ taħriġ f’Awwissu mal-kowċ magħruf Tamas Feher, li kien il-kowċ tat-tim Olimpiku tal-Gran Britannja kif ukoll tal-Istati Uniti.