Internazzjonali

Problemi finanzjarji għan-Nazzjonijiet Uniti

Antonio Guterres

Antonio Guterres, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, wissa lill-impjegati li l-finanzi kienu batuti u ħeġġeġ lill-pajjiżi membri biex iħallsu dak dovut minnhom kemm jista’ jkun malajr. F’ittra li ħareġ lill-pajjiżi membri, Guterres qal li sat-30 ta’ Ġunju, il-baġit tan-Nazzjonijiet Uniti kellu żbilanċ ta’ 139 miljun dollaru u qatt fl-istorja tan-Nazzjonijiet Uniti ma kien hemm problemi ta’ finanzi daqshekk serja. Skont n-Nazzjonijiet Uniti, minn 193 pajjiż membru, 112 ħallsu dak dovut minnhom lin-Nazzjonijiet Uniti. L-Istati Uniti, li hi responsabbli għal 22 fil-mija tal-baġit tan-Nazzjonijiet Uniti, tradizzjonalment tħallas tard fis-sena. Iċ-Ċina, Franza, ir-Russja u r-Renju Unit għandhom kollox imħallas. Guterres ilmenta wkoll mal-impjegati li saret drawwa li n-NU tispiċċa mingħajr flus aktar malajr u ddum bi żbilanċ għal ferm aktar u kienu se jittieħdu miżrui biex titnaqqas l-ispiża.