Lokali

Riżolta s-sitwazzjoni fil-PN

Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista

  • Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jiddikjara li mhux se jieħu passi ulterjuri
  • Simon Busuttil jilqa’ dan l-iżvilupp


Il-PN jista’ jħares ‘il quddiem wara li ġiet riżolta s-sitwazzjoni fi ħdana. Dan wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ddikjara li m’hemm ebda ħsieb li tinbeda xi proċedura interna fil-konfront ta’ Simon Busuttil fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tar-Rapport tal-Inkjesta Egrant. Dan se jiġi konfermat mill-Kunsill Amministrattiv tal-Partit.

Il-Kap tal-Partit fakkar illi hemm Inkjesti Maġisterjali oħra li għadhom pendenti li jqajmu mistoqsijiet serji dwar aġir ta’ esponenti ewlenin fil-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, b’mod partikolari l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of StaffKeith Schembri, msejsa fuq Rapporti tal-Istituzzjonijiet tal-Gvern stess, liema esponenti baqgħu jgawdu impunità sħiħa, minkejja provi ċari tal-aġir irresponsabbli tagħhom. Il-Partit se jsegwi b’mod dirett dawn il-proċeduri u jitlob li ssir ġustizzja fl-iqsar żmien possibbli.

Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iggvernar ħażin tal-Gvern preżenti mhux talli mhix se tieqaf talli se tissaħħaħ. Huwa importanti li kulħadd fil-Partit ikompli din il-ġlieda flimkien sabiex toħroġ il-verità. L-impenn tagħna lkoll għandu jkun li noffru Oppożizzjoni magħquda favur is-sewwa u dejjem fl-aħjar interess nazzjonali.

Intant min-naħa tiegħu id-Deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li jilqa l-istqarrija li għamel il-Kap tal-PN Adrian Delia fir-rigward tiegħu. Fakkar ukoll li għad hemm inkjesti Maġisterjali importanti li huma pendenti li jitfgħu dell serju u ikrah fuq esponenti ewlenin, esponenti fil-Gvern immexxi minn Joseph Muscat, b’mod partikolari l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff Keith Schembri. Huwa qal li jemmen li l-Oppożizzjoni għandha tkun magħquda kontra l-uniku avversarju politiku tagħna li huwa l-Gvern preżenti.