Lokali

In-nies se jħallsu prezz ogħla ghall-petrol u diesel

Il-poplu Malti u Għawdxi se jħallas għal prezzijiet aktar għoljin tal-petrol u d-diesel, minkejja l-wegħda tal-Gvern Laburista li ma jgħollix il-prezzijiet.

Minbarra ħin twil fit-traffiku, minn għada, is-sewwieqa u n-negozji Maltin se jħallsu aktar għall-petrol u d-diesel.

Hekk qal il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Viċi Kap u Kelliem għall-Enerġija David Agius, fl-ewwel reazjoni tiegħu għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-fuel imħabbra mill-kumpanija Enemed u ġġustifikati mill-Ministeru tal-Enerġija.

Il-Partit Nazzjonalista qal li ż-żidiet ta’ 5ċ kull litru għall-petrol u għad-diesel qed iseħħu meta l-familji u n-negozji Maltin l-aktar li qed iqattghu ħin fit-traffiku u jikkunsmaw fuel minħabba l-eqqel tas-Sajf.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li l-prezzijiet tal-fuels mhux l-uniċi prodotti essenzjali li qed jogħlew. Din hi wegħda oħra li l-Gvern Laburista ma żammx mal-poplu Malti u Għawdxi.