Lokali

Statistika ġdida: Fl-2016 kien hawn 72,000 persuna f’riskju ta’ faqar

Bi dħul ta' €725 fix-xahar

Aktar minn 72,000 persuna qed jgħixu b’paga tant baxxa li tagħmilhom parti mill-faxxa ta’ nies li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar.

Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u li tħares lejn il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-għixien tan-nies.

L-istatistika, li tikkalkula n-numri tul is-sena 2016, tikkonkludi li kien hemm 72,143 persuna f’riskju ta’ faqar b’pagi li huma inqas minn €8,700 fis-sena – jiġifieri paga ta’ €725 fix-xahar.

Skont l-istess statistika, dan ifisser ukoll rata għolja ta’ 16.8% ta’ nies li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar – jiġifieri żieda ta’ 0.3% ta’ nies f’riskju ta’ faqar fuq is-sena ta’ qabel.

L-istatistika li ħarġet l-NSO u li tagħti ċ-ċifra ta’ 72,000 persuna f’riskju ta’ faqar, tħares biss lejn is-sena 2016 – u dan ifisser li fis-sentejn li għaddew din iċ-ċifra kompliet tiżdied.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, NET News irraporta diversi stejjer reali ta’ nies li mhux biss qed jgħixu f’riskju ta’ faqar, iżda li saħansitra spiċċaw jgħixu fil-faqar u xi kultant saħansitra mingħajr saqaf fuq rashom.

Statistiċi oħra, anke mill-Eurostat, urew fix-xhur li għaddew li minkejja li l-ekonomija qed tikber, dan it-tkabbir mhuwiex imur fil-bwiet tal-ħaddiema iżda minflok fil-bwiet ta’ setturi żgħar ta’ nies.