Internazzjonali

Trump jinsab lest għal laqgħa mal-President tal-Iran

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, offra li jiltaqa’ mal-Mexxejja tal-Iran – b’mod partikulari l-President Hassan Rouhani – ‘fiż-żmien li huma jridu u mingħajr il-ħtieġa li jitfasslu l-kundizzjonijiet minn qabel’.

Meta kellem lill-ġurnalisti fil-White House, Trump sostna li ‘jemmen f’dawn it-tipi ta’ laqgħat’ waqt li hu, fl-istess ħin, deher aktar dispost għal rikonċiljazzjoni wara li hu u Rouhani, jiem ilu, kienu ħarġu ‘twissijiet jaħarqu’ kontra xulxin.

F’Mejju li għadda, l-Istati Uniti warrbet minn ftehim storiku li ntlaħaq bil-għan li jitrażżnu l-attivitajiet nukleari tal-Iran u li permezz tiegħu, il-pajjiż Iżlamiku beda jieħu n-nifs wara li tneħħewlu s-sanzjonijiet internazzjonali.

Intant, l-Amerikani qed jippjanaw biex jerġgħu jimponu s-sanzjonijiet fuq Tehran fi kwistjoni ta’ jiem, minkejja l-protesti tar-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Ġermanja, li wkoll kienu ffirmaw il-ftehim storiku tal-2015.

L-Istati Uniti qed tissuspetta ħafna fl-attività tal-Iran fil-Lvant Nofsani, iżda Donald Trump, issa, qed iwitti t-triq għal laqgħa bejnu u l-ogħla mexxejja Iranjani ‘dment li dawn iridu jaslu nofs triq miegħu’.

Li kieku kellha ssir, din il-laqgħa tkun l-ewwel waħda bejn il-mexxejja tal-Istati Uniti u l-Iran minn qabel ir-rivoluzzjoni tal-1979 fil-pajjiż Iżlamiku.

Sadanittant, Hamid Aboutalebi, li hu konsulent għall-President Rouhani, bagħat messaġġ lil Trump li ‘d-dispożizzjoni tal-Istati Uniti biex tirrispetta l-ftehim tal-2015’ u ‘ir-rispett għad-drittijiet tal-Iran’ għandhom iservu biex iwittu t-triq għat-taħditiet proposti.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, intant qal li hu għandu jappoġġja laqgħa bejn Trump u Rouhani f’każ li ‘l-Iran juri li lest biex jibdel l-atteġġjament tiegħu’.