Lokali

Il-PN kien u għadu kontra l-kultivazzjoni tal-kannabis f’pajjiżna – il-blogger Manuel Delia imgiddeb

Deskritt bħala gidba l-blog miktub minn Manuel Delia aktar kmieni din il-ġimgħa  meta l-istess blogger xandar li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista ivvota favur il-kultivazzjoni tal-kannabis f’Malta.

Fi stqarrija u dritt għar-risposta skont kif titlob il-liġi il-Partit Nazzjonalista talab lill-blogger Manuel Delia biex jirtira din il-gidba u jippubblika l-istess stqarrija fuq il-blog tiegħu.

Il-blogger Manuel Delia allega li kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li ġiegħel lill-Grupp Parlamentari jivvota favur il-kultivazzjoni tal-kannabis għaliex għandu kunflitt ta’ interess favur familjari tal-mara tiegħu li joperaw fis-settur tal-farmaċewtika.  Iżda din il-gidba ma setgħetx tkun iżjed ‘l bogħod mill-verità dan għaliex kien il-Kap Nazzjonslista nnifsu li talab lid-Deputat Claudio Grech biex jagħmel analiżi dettaljata u teknika dwar il-materja. Din l-analiżi ġiet ppreżentata lill-grupp parlamentari kollu li wara ivvota b’mod unanimu kontra l-kultivazzjoni tal-kannabis f’Malta.

Fid-dritt tar-risposta li l-blogger Manuel Delia kellu jippubika fuq il-blog tiegħu il-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ l-avukat Vincent Galea, rrefera lill-blogger li seta’ jagħmel verifika bażika fuq is-sit elettroniku tal-Parlament Malti fejn seta’ faċilment jinduna li dak li kien qed ixandar mhux veritier qabel ippubblika u fetaħ it-triq għall-kummenti malizzjużi kontra l-Kap Nazzjonalista. Irriżulta bl-iżjed mod ċar li l-qarrejja tal-blogger ġew żgwidati b’informazzjoni falza.