Lokali

AĠĠORNATA: Tnejn fuq mutur iweġġgħu f’inċident tat-traffiku qrib Mater Dei

Sewwieq ta’ mutur u passiġġiera li kienet miegħu weġġgħu wara li l-mutur kien involut f’inċident tat-traffiku qrib ir-roundabout li tagħti lejn l-Isptar Mater Dei jew lejn iż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-8.30pm u minbarra l-mutur, tat-tip Honda CBR, fih kienet involuta wkoll karozza tat-tip Chevrolet. Il-mutur kien misjuq minn raġel ta’ 52 sena minn San Ġwann u miegħu kellu mara ta’ 46 sena. Min-naħa l-oħra, il-karozza kienet misjuq minn mara ta’ 35 sena miż-Żurrieq.

Kawża tal-impatt, iż-żewġ persuni abbord il-mutur kellhom bżonn l-għajnuna medika, tant li Ambulanza ssejħet biex tieħu lill-mara l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Ir-raġel ittieħed l-Isptar ukoll, iżda l-kundizzjoni tagħhom s’issa għadha mhix magħrufa.

Min-naħa tagħha, is-sewwieqa tal-karozza ma sofriet l-ebda feriti.

L-inċident wassal għal konġestjoni ta’ traffiku, hekk kif aktar investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.